Wednesday, October 9, 2024

“Il-Partit Laburista se jibqa’ l-kittieb għall-ġejjieni u mhux narratur tal-passat”- Il-PM Robert Abela

Aqra wkoll

“Merħba għal kapitlu ġdid fl-istorja ta’ dan il-Partit. Illum, bħala familja waħda, aħna lkoll parti minn tiġdid. Partit li s-saħħa tiegħu dejjem kienet fl-għaqda u fid-determinazzjoni ta’ politika favur il-ġustizzja soċjali. Żewġ prinċipji li jiddistingwuna minn ħaddieħor.” Dan qalu l-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela meta kien qed jindirizza l-għeluq tal-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista.

Dr Abela saħaq kif Gvern Laburista dejjem emmen u bil-fatti pprattika l-ġustizzja soċjali. Kompla li l-poplu afda lil dan il-Partit fit-tmexxija tal-pajjiż u Gvern Laburista qatt ma beża’ jieħu d-deċiżjonijiet li kien hemm bżonn. Semma kif fil-Budget li ġej se jkomplu jsaħħu l-middle-class u jagħtiha spinta ’l quddiem u se jkompli jippremja l-bżulija tal-ħaddiema Maltin.

Il-Prim Ministru kompla li quddiem il-progress kbir li ġab dan il-Partit fil-Gvern, illum qed jwelldu dan il-kapitlu ġdid favur pajjiż u Partit imġedded. Tenna li b’Partit Laburista aħjar ifisser stabbiltà fil-kontijiet tal-enerġija, żidiet fiċ-children’s allowance u l-pensjoni sena wara oħra, li d-drittijiet ċivili jibqgħu jsiru realtà, li ħadd ma jkun minsi, li pajjiżna jkompli jiġġedded, li uliedna jiġu offruti ġejjieni mill-aqwa u tama ta’ futur dejjem aħjar.

“Il-Partit Laburista huwa l-awtur ewlieni ta’ kisbiet soċjali kbar u se jibqa’ jkun dak l-awtur għax l-entużjażmu, l-enerġija u r-rieda biex inwettqu aktar, għadhom hemm aktar minn qatt qabel,” sostna Dr Abela.

Il-Prim Ministru għamel aċċenn ukoll fuq il-bżonn li pajjiżna jintrefa’ ’l fuq mill-partigġjaniżmu u attakki personali hekk kif dawn ma jikkontribwixxuwx għal soċjetà b’saħħitha u jbiegħdu nies milli jersqu biex jagħtu kontribut fil-ħajja pubblika. Kompla li pajjiżna ma jistax jibqa’ għaddej bil-politika ta’ aħna u huma, imma Malta Flimkien.

Huwa semma li l-Partit Laburista se jkompli jisma’ mingħand in-nies, se jkompli jiddiskuti u jiddeċiedi. Huwa saħaq li quddiem sfidi ġodda u sfidi differenti jrid jkun Gvern Laburista li jindirizzahom, għaliex Gvern Laburista biss jagħti s-soluzzjonijiet u lest għal aktar bidliet biex jiġġedded f’kull livell.

Semma li anke meta Gvern Laburista għażel li ma jgħolliex il-kontijiet tal-enerġija, kienet għażla kuraġġuża għax mar kontra l-kurrent u kontra l-Partit Nazzjonalista li għamel minn kollox biex Gvern Laburista ma jgħinx lill-familji u n-negozji. Saħaq li din tibqa’ battalja li jibqgħu jiġġielduha favur il-poplu kuljum.

“Issa jmiss li nkomplu mixjin ’il quddiem u niktbu l-kapitlu li jmiss. M’aħniex in-narraturi tal-passat, imma l-kittieba tal-ġejjieni. Kif ma beżgħux ta’ qabilna, l-istess se nagħmlu aħna. Dan il-Partit ma jistenniex il-futur jiġi, dan il-Partit jiktbu hu l-futur ta’ pajjiżna,” tenna Dr Abela.

Il-Prim Ministru semma kif fil-ġimgħat li ġejjin se jkomplu jibagħtu sinjal ċar biex jilħqu l-aspirazzjonijiet ġodda ta’ poplu li jrid il-progress ekonomiku jingħaqad mal-qabża ambjentali u soċjali.

Qal li se jelevaw il-mudell ekonomiku ta’ pajjiżna billi jibnu fuq ħames prinċipji ewlenin li se jkunu l-pedament li se jiffurmaw fejn imorru l-inċentivi fiskali, il-prijorità lill-investimenti li jinġibu lejn pajjiżna, u li se jwittu t-triq lejn ekonomija li mhux biss tikber imma li televa l-livell ta’ għajxien ta’ pajjiżna bil-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità.

Dr Robert Abela saħaq li magħqudin bħala Gvern wieħed, bħala Partit b’amministrazzjoni ġdida, se jkomplu jwettqu iżjed, se jkomplu jġeddu dan il-Partit mill-għeruq tiegħu, u ser ikomplu jimbuttaw ’l quddiem dawk il-prinċipji li jagħmlu dan il-moviment l-unika forza progressiva f’pajjiżna.

“Ejjew naħdmu flimkien biex l-aspirazzjonijiet tal-Maltin u l-Għawdxin inkomplu nagħmluhom realtà. Hekk inġeddu Malta pajjiżna,” temm jgħid il-Prim Ministru Robert Abela.

L-għeluq tal-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista ġiet indirizzata wkoll mill-President il-ġdid tal-Partit Laburista Alex Sciberras u d-Deputati Mexxeja ġodda Ian Borg u Alex Agius Saliba.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport