Il-kontijiet awditjati tal-Malta FA għas-sena 2024 urew titjib notevoli fis-sitwazzjoni finanzjarja tal-Assoċjazzjoni li wasslet għal surplus ta’ dħul fuq in-nefqa għall-ewwel darba f’erba’ snin wara l-pandemija.
Filwaqt li d-dħul totali għal darb’oħra laħaq il-marka ta’ €13-il miljun, żieda minima mill-2023, l-approċċ diliġenti tal-Malta FA wassal għal nefqa annwali mnaqqsa b’mod sinifikanti ta’ ftit aktar minn €11.7 miljuni li rriżultat f’bilanċ tal-għeluq ta’ €31,828 wara t-tnaqqis tal-kontribuzzjoni kapitali tal-clubs u l-ispejjeż finanzjarji fost l-oħrajn.
Waqt li ppreżenta l-kontijiet awditjati waqt l-Assemblea Ġenerali li saret fis-Centenary Hall, it-Teżorier tal-Malta FA, Ivan Mizzi, analizza fil-fond l-aspetti ewlenin tal-ħidma finanzjarja tal-Assoċjazzjoni fl-2024.
SORSI EWLENIN TA’ DĦUL
Id-dħul mit-televiżjoni u drittijiet oħra qabeż it-€3 miljun, li jirrappreżentaw 23.5% tad-dħul annwali … u jibqa’ sors finanzjarju essenzjali għall-Assoċjazzjoni flimkien mal-għotjiet annwali li rċeviet permezz tal-FIFA Forward (€1.5 miljun) u tal-UEFA HatTrick programmes. L-organizzazzjoni ta’ tournaments ta’ kwalifikazzjoni u żvilupp taż-żgħażagħ tal-UEFA f’Malta u l-parteċipazzjoni f’kompetizzjonijiet taż-żgħażagħ, sal-livell ta’ Taħt il-21 sena, iġġeneraw €1,672,000 fl-2024.
Kien hemm ukoll tisħiħ tad-dħul miksub f’dawn l-aħħar snin permezz tal-attivitajiet ta’ marketing u attivitajiet kummerċjali tal-Assoċjazzjoni kif ukoll l-użu ta’ faċilitajiet sportivi li ġġeneraw €735,000 u €680,000 rispettivament. Il-Malta FA rċeviet €679,902 f’għotjiet tal-gvern li qed jiġu investiti mill-ġdid fil-logħba fil-livell tal-clubs u tal-komunità.
Il-ħidma finanzjarja tal-Assoċjazzjoni fl-2024 għandha sinifikat miżjud meta wieħed jikkunsidra xi nkiseb matul sena relattivament kwieta f’termini ta’ gate-money minn logħbiet internazzjonali meta mqabbla mal-2023 meta Malta ospitat lill-Italja u lill-Ingilterra fir-round ta’ kwalifikazzjoni tal-Euro 2024, fl-Istadium Nazzjonali. Fil-fatt, fl-2024 id-dħul tal-gate-money minn logħbiet internazzjonali u domestiċi naqas b’€840,000.
NEFQA ANNWALI MNAQQAS
Filwaqt li l-Malta FA rnexxielha tnaqqas in-nefqa annwali tagħha b’€780,000 mill-2023, il-miżuri tat-tnaqqis tal-ispejjeż ma kellhomx effett ħażin fuq in-numru ta’ impenji internazzjonali li kellhom it-timijiet nazzjonali tagħna. Għall-kuntrarju, dawn it-timijiet nazzjonali kienu impenjati f’total ta’ 102 partita internazzjonali fil-gruppi tal-etajiet kollha matul l-2024, żieda ta’ 15-il partita meta mqabbla mal-2023.
Minkejja ż-żieda fin-numru ta’ logħbiet internazzjonali, l-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tal-akkomodazzjoni niżlu għal €1.8 miljun fl-ispettru kollu, li jirrappreżentaw 15.2% tan-nefqa totali fl-2024.
L-ISPIŻA TAS-SALARJI NAQSET B’€200,000
Kif wieħed jantiċipa, minħabba l-istatus bħala l-akbar Assoċjazzjoni sportiva f’Malta, b’117-il impjegat full-time, l-ispiża tas-salarji annwali tal-Malta FA tammonta għal ftit aktar minn 30% tan-nefqa annwali. Madankollu, fl-2024, il-Malta FA ħallset €200,000 inqas fuq il-pagi grazzi għar-ristrutturar organizzattiv li għaddej bil-għan li jiġu utilizzati bl-aħjar mod possibbli r-riżorsi umani tal-organizzazzjoni.
L-Assoċjazzjoni kompliet issostni l-appoġġ għall-Clubs Membri u l-Assoċjazzjonijiet Membri b’€2 miljun li ntefqu fuq sussidji, assistenza u skemi fil-livell domestiku.
In-nefqa annwali fuq il-manutenzjoni tal-faċilitajiet sportivi u l-kura tal-ħaxix tal-grounds kienet ta’ €842,622 li minnhom €616,762 intefqu fuq il-manutenzjoni tal-Istadium Nazzjonali u l-faċilitajiet tal-Assoċjazzjoni f’Ta’ Qali, inkluż il-pagi tal-greenkeepers.
B’investiment li huwa stmat li jlaħħaq il-miljuni, il-kostruzzjoni tal-binja state-of-the-art taċ-Ċentru Nazzjonali tal-Football mill-aktar avvanzat fil-Malta FA Training Grounds, tirrappreżenta l-proġett infrastrutturali ewlieni li wettqet l-Assoċjazzjoni fl-aħħar għoxrin sena. Il-kumpless il-ġdid se jiġi inawgurat aktar tard din is-sena.
L-OBJETTIVI MIKSUBA
Ir-rapport finanzjarju għall-2024 jikkonferma li l-pjan ta’ rkupru b’saħħtu tal-Assoċjazzjoni, introdott fl-2022 biex itaffi l-isfidi finanzjarji sinifikanti mposti mill-pandemija tal-Covid-19 matul it-tliet snin preċedenti, qed jagħti l-frott kif ġie spjegat mit-Teżorier tal-Malta FA, Ivan Mizzi, fl-aħħar parti tal-indirizz tiegħu.
“Bejn l-2020 u l-2023, il-Malta FA implimentat strateġija ambizzjuża ta’ erba’ snin u onorat l-obbligi tagħha lejn il-Clubs Membri u l-Assoċjazzjonijiet Membri minkejja li għaddiet minn perjodu diffiċli mill-perspettiva finanzjarja,” qal is-Sur Mizzi.