Monday, February 10, 2025

IL-PL JIBQA’ FUQ QUDDIEM… NAGĦTU KAŻ L-INDEĊIŻI

Aqra wkoll

L-aħħar stħarriġ tal-opinjoni pubblika, ippubblikat mill-istatistiku Dr Vincent Marmarà, wera li l-Partit Laburista għadu jżomm vantaġġ pjuttost b’saħħtu fuq il-Partit Nazzjonalista. Fil-fatt, id-distakk huwa ta’ 15,800 vot favur il-Partit Laburista. Jekk tqabblu mal-istħarriġ ta’ Ottubru li għadda, id-distakk baqa’ konsistenti favur il-PL u saħansitra żdied, b’Robert Abela jibqa’ l-aktar mexxej fdat. 

Dan l-aħħar stħarriġ fih x’wieħed jixtarr. Fih messaġġi li joħorġu għaż-żewġ partiti ewlenin. Fih ukoll fattur li għadu predominanti u li jista’ wkoll jiddetermina l-eżitu tal-elezzjoni ġenerali li jmiss, li huwa dak tal-indeċiżi. Biss biss, minn dan l-aħħar stħarriġ jidher li l-persentaġġ ta’ dawk li ma wieġbu li ma jafux lil-liema partit se jivvutaw, li kieku kellha tissejjaħ elezzjoni ġenerali għada, tela’ għal kważi 22%. 

Għalhekk, kif spjega tajjeb Dr Marmarà dawn ir-riżultati huma indikazzjoni ċara, illi hemm ħafna persuni li jidhru li tilfu l-interess fil-politika, jew mhumiex iħossuhom ispirati mill-partiti. U huwa proprju dan li fil-fehma tagħna l-partiti ewlenin iridu jaħdmu aktar għalih, illi jifhmu l-messaġġ li qegħdin jibagħtu n-nies u jindirizzaw it-tħassib tagħhom. 

Qed ngħidu dan kollu għaliex is-sehem tal-elettorat fil-proċess demokratiku jibqa’ kruċjali. Huwa proprju dan il-proċess illi jagħti vuċi lill-poplu fl-għażla li jagħmel dwar min imexxih fis-snin li ġejjin. Nemmnu illi l-partiti għandhom ikomplu jwasslu l-messaġġ tagħhom b’aktar ħeġġa sabiex jinkoraġġixxu aktar nies jieħdu sehem fil-proċess demokratiku għax wara kollox bil-vot tiegħu l-poplu jkun qiegħed jiddetermina l-futur tiegħu stess.

Filwaqt li kif għedna aktar qabel, dan l-istħarriġ juri illi l-Partit Laburista għandu l-akbar fiduċja tal-elettorat Malti u Għawdxi, mhux l-istess jista’ jingħad għall-Partit Nazzjonalista li tista’ tgħid baqa’ fejn kien. Ir-raġunijiet għalfejn il-PN għadu mhux attraenti biżżejjed jistgħu jkunu diversi. Forsi għaliex in-nies ma jemmnux li l-PN għandu viżjoni ta’ tmexxija jekk ikun fil-Gvern? Jew inkella l-poplu huwa mxebba bl-istess retorika ta’ riżenji u attakki?

Min-naħa l-oħra, il-poplu qiegħed japprezza l-ħidma li qed iwettaq Gvern Laburista favur kwalità ta’ ħajja aħjar għal kulħadd. Din il-ħidma trid tibqa’ għaddejja biex fi żmien sentejn oħra, meta l-poplu jerġa’ jkun imsejjaħ biex jiddeċiedi, jagħmel dik l-għażla li jidhirlu hi l-aħjar għall-ġejjieni tiegħu.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport