Il-goalkeeper ta’ Chelsea, Robert Sanchez, ħelisha ħafif wara li kien involut f’inċident serju bil-Ferrari tiegħu fiċ-ċirkwit tan-Nurburgring, fil-Ġermanja.
Il-goalkeeper Spanjol ta’ 28 sena kien qed isuq Ferrari 488 Challenge Evo, li tiswa madwar £300,000, meta tilef il-kontroll tagħha f’kurva magħrufa bħala Caracciola-Karussell.
Skont rapporti fil-midja Ingliża, Sanchez kien qed isuq b’veloċità ta’ madwar 112-il kilometru fis-siegħa meta ħabat mal-barrieri tas-sigurtà, u kkawża ħsarat estensivi lill-karozza.
Minkejja l-qawwa tal-impatt, Sanchez irnexxielu joħroġ mill-vettura waħdu u, b’mod fortunat, ma sofra ebda ġrieħi.
L-inċident wassal biex iċ-ċirkwit jingħalaq għal madwar siegħa sabiex jitneħħew id-debris u jissewwew il-barrieri.




