Wednesday, November 11, 2026
Home Sport Kampjonat Ewropew U/17: Telfa kbira għal Malta

Kampjonat Ewropew U/17: Telfa kbira għal Malta

0
37
It-team nazzjonali Malti ta' Taħt is-17-il sena (file photo)

 It-team Malti ta’ Taħt is-17-il Sena lbie­raħ sofra telfa kbira fl-ewwel logħba mill-Kwalifiki tal-Kampjonat Ewropew tal-UEFA U/17 li qed isir fis-Centenary Stadium f’Ta’ Qali meta s-Slovakkja ħarġu rebbieħa bl-iskor kbir ta’ 6-0.

Is-Slovakki skorjaw tliet darbiet f’kull taqsima meta anke kellhom vantaġġ numeriku wara li fit-42 minuta Ayrem Aqulina ġie muri l-karta l-ħamra għat-tieni karta safra bl-ewwel waħda sseħħ fit-32 minuta

Sakemm it-timijiet kienu bi players indaqs is-Slovakkja kienu diġá fetħu vantaġġ ta’ 3-0 bil-goals kollha jiġu skorjati minn Alan Lombakoali li għaqqad hat-trick fil-15, fil-31 u fis-37 minuti.

Minuta wara li tkeċċa l-player Malti l-iskor sar 4-0 permezz ta’ Denis Zofcak li fl-aħħar ħinijiet tal-partita, eżattament fit-82 minuta, skorja l-ħames goal biex għaqqad doppjetta.

Il-goal li għamilhom nofs tużżana għat-team Slovakk wasal fis-86 minuta meta kien Patrik Sopko li għeleb lill-goalkeeper Malti, Noah Mulholland.

Din kienet it-tielet logħba bejn iż-żewġ timijiet fl-istorja li kollha ġew mirbuħa mis-Slovakkja li skorjaw disa’ goals u ma sofrew l-ebda wieħed. 

Fil-logħba l-oħra mill-istess grupp l-Olanda u n-Norveġja temmew fi draw ta’ 2-2 fejn għat-Tulipani skorjaw Benjamin Myrvold (26 auto-goal) u Denzil Darko (65) li skorja l-goal tal-pareġġ wara li n-Norveġiżi kienu marru minn 2-1 fuq fuq b’goals minn David Bakkani (59 penalty) u Brage Haugen (62).

It-tieni logħba għal kull team se tintlagħab il-Ħadd li ġej fis-Centenary Stadium ukoll fejn is-Slovakkja jiltaqgħu mal-Olanda fil-11.00 am u Malta u n-Norveġja jibdew fis-2.30 pm.

Malta: Noah Mulholland, Liam Gatt, Andrei Agius, Kaiden Grixti (Matthew Higgans 87), Zayden Azzopardi, Ayrem Aquilina, Jerome Gaffiero, Jayden Roe, Capt (Gianni Camenzuli 87), Nicholas Busuttil (Sean Farrugia 46), Lukas Wright, Gianni Zerafa (Luke Buttigieg 87) – Coach: Jonathan Holland

Referee: Dovydas Svegzda (Turkija).

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here