Tuesday, December 24, 2024

Il-PM jisħaq li Malta se tibqa’ sieħeb affidabbli fi djalogu favur il-paċi, is-sigurtà u l-prosperità

Nirayl Grech
Nirayl Grech
Ġurnalista

Aqra wkoll

Filwaqt li awgura għal aktar kollaborazzjoni, il-Prim Ministru Robert Abela rrimarka li Malta tibqa’ sieħeb affidabbli fi djalogu favur il-paċi, is-sigurtà u l-prosperità. Dan hekk kif fil-Berġa ta’ Kastilja, il-Prim Ministru Robert Abela laqa’ lill-membri tal-Korp Diplomatiku akkreditati għal Malta għal laqgħa annwali għall-awguri fil-bidu tas-sena l-ġdida. Huwa saħaq li bħala komunità internazzjonali l-kuraġġ huwa importanti. Semma wkoll li wieħed għandu jesprimi t-tħassib tiegħu meta l-paċi hi mhedda.

“Huwa f’dan l-ispirtu li dħalna għat-terminu tagħna bħala membru fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti”, irrimarka l-Prim Ministru f’indirizz li għamel. Malta għandha l-opportunità biex tikkontribwixxi għall-ħarsien tal-UN Charter mibnija fuq prinċipji u valuri favur il-paċi.

Fir-rigward tal-gwerra fl-Ukrajna ġie innutat li Malta huwa pajjiż newtrali. Għalhekk, għandha l-għan li taħdem fuq il-paċi u saret referenza għall-pożizzjoni kollettiva b’saħħitha li ttieħdet mill-istati membri tal-Unjoni Ewropea favur solidarjetà mal-poplu Ukren. Dan juri li l-poplu Malti kien ta’ appoġġ għas-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna.

Dr Abela rrimarka wkoll li Malta ħadmet sabiex issa tinsab bħala waħda mill-membri fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti. Ġiet imfakkra wkoll l-inizjattiva tal-gżejjer għall-gżejjer li ħabbret Malta fi Glasgow waqt il-COP26.
Il-Prim Ministru sostna li Malta għandha ekonomija vibranti fost pajjiżi oħra fl-Unjoni Ewropea. Dan għaliex dawn il-pajjiżi, inkluż Malta rreġistraw l-akbar tkabbir ekonomiku u fost l-inqas rati ta’ qgħad u ta’ inflazzjoni.

Fil-rigward il-missjoni ta’ promozzjoni ta’ kummerċ fil-Ghana, il-Prim Ministru Robert Abela rrefera għall-fatt li l-Ministru għall-affarijiet barranin u Ewropej ġie fdat ukoll bil-kummerċ bħala qasam importanti li joħloq opportunitajiet. F’dan l-isfond, semma n-negozjati anke fuq livell Ewropew għal Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles man-New Zealand u l-Awstralja u spjega li l-Indja hija pajjiż li tirrappreżenta potenzjal għal aktar koperazzjoni kummerċjali mal-kontinent Ewropew.

Intant Malta żiedet id-diplomazija madwar id-dinja bil-ftuħ ta’ ambaxxata fil-kapitali tal-Brażil, Brażilja, u l-ftuħ ta’ konsolati f’ibliet strateġiċi bħal Casablanca, Accra u Doha. Saħaq li l-Mediterran jibqa’ reġjun importanti għal aktar koperazzjoni bejn il-pajjiżi tal-Mediterran u l-Unjoni Ewropea u fakkar fis-summit tal-MED9 li Malta se tilqa’ aktar tard din is-sena bejn il-mexxejja tal-istati membri fil-Mediterran.

Ekonomija

Sport