Monday, May 20, 2024

Id-DPM Chris Fearne se jżomm mad-deċiżjoni tiegħu

Aqra wkoll

F’ittra oħra li ppubblika d-Deputat Prim Ministru Chris Fearne li fiha reġa’ kiteb lill-Prim Ministru Robert Abela, informah li hu se jkun qiegħed iżomm mad-deċiżjoni tiegħu u b’hekk se jirriżenja b’mod immedjat.

Hu mill-ġid irringrazzja lill-Prim Ministru tal-fiduċja li wera fih.

Aktar kmieni: Il-PM jitlob lil Fearne jikkonsidra d-deċiżjoni tiegħu

Ftit tal-ħin wara li d-Deputat Prim Ministru Chris Fearne ħabbar li kien qiegħed joffri r-riżenja tiegħu, b’mod immedjat ħarġet ir-risposta tal-Prim Ministru fejn talbu biex jerġa’ jikkonsidra l-pożizzjoni tiegħu.

Il-Prim Ministru jikteb li fl-aktar mumenti iebsa għal pajjiżna mhux biss sibtek ta’ spalla, iżda l-pajjiż ibbenefika bil-kbir mill-kapaċitajiet tiegħek.

Aktar kmieni: Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne joffri r-riżenja tiegħu

Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne ħabbar li kien qiegħed jagħti r-riżenja tiegħu lill-Prim Ministru. Fl-ittra li ħabbar hu stess talab biex tiġi rtirata n-nimina tiegħu minn Kummissarju Ewropew.

Fl-ittra kiteb li hu kien jippreferi li jkollu l-akkużi u l-proċess verbal tal-inkjesta f’idejh qabel ma jasal għal din id-deċiżjoni. Iżda sostna li peress li dan se jieħu fit-tul mhux posibbli għalih li jibqa’ jistenna.

Kiteb li għalkemm m’għandu l-ebda idea x’fih il-proċess verba u għalhekk ma jafx fuq xiex se jiġi akkużat, hu jaf x’għamel u x’ma għamilix.

Id-Deputat Prim Ministru rrefera wkol għat-3 rapporti dwar dan il-każ li ħareġ l-Awditur Ġenerali u li fihom ma sab l-ebda ħtija fih. “Dawn huma l-fatti dwari bl-iswed fuq l-abjad. Dejjem u f’kull ħin qdejt dmiri b’integrità u korrettezza u qatt ma xrift lejn ksur ta’ liġi,” jikteb Chris Fearne.

Kompla jikteb li hu kien diġa qal lill-Grupp Parlamentari tal-Partit Laburista li jekk jiġi akkużat b’xi ħaġa kien lest li jirriżenja minn kull kariga.

Id-Deputat Prim Ministru kiteb li fiċ-ċirkostanzi preżenti u anke għax jirrispetta l-istutuzzjonijiet, ħass li ma setax ikompli jaqdi dmiru fil-politika. “Għalhekk, inġusti kemm huma inġusti l-akkużi kontrija u ineżistenti kemm huma ineżistenti l-provi, lil Malta, lill-Kostituzzjoni u lil ħuti Maltin u Għawdex, irrid nibqa’ npoġġihom qabel kollox”, temm jgħid id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport