Wednesday, July 24, 2024

Luxol u ŻRQ Bormla fil-finali tal-Futsal Trophy

Aqra wkoll

Luxol St Andrew’s u ŻRQ Bormla huma l-finalisti tal-E & L Futsal Trophy wara li kisbu rebħiet tajba fis-semifinali li lagħbu.

Luxol St Andrew’s għelbu lill-holders University of Malta ACJ Group 3-1.

Kienet logħba ferm kumbattuta bl-Universitarji li marru minn fuq iżda bit-tim minn St Andrew’s li kien kapaċi jdawwar l-iskor favurih fit-tieni taqsima.

Raimundo Nonato poġġa lil University of Malta ACJ Group minn fuq sabiex Celino Alves ġab l-iskor indaqs.

Dan il-gowl mela b’kunfidenza kbira lil Luxol li pront għamluhom 2-1 meta kien il-captain Mark Zammit li b’xutt mill-ewwel ħasad lil Dylan Cacciatolo.

Luxol issiġġillaw ir-rebħa grazzi għal Celino Alves li f’lasta vojta ddepożita l-ballun ġewwa għal doppjetta personali.

ŻRQ Bormla ftit sabu diffikulta’ sabiex għelbu lil Swieqi United 6-1. Dawn tal-aħħar iddiżappuntaw ferm hekk kif wettqu diversi żbalji difensivi.

Il-Bormliżi kienu 4-0 minn fuq wara li Dylan Musu, Jose Rodriguez, Jovica Milijic u Dale Valletta skorjaw gowl kull wieħed.

Kubilay Karadol naqqas il-marġni tal-iskor għal Swieqi iżda Mohammed Elamari u gowl ieħor ta’ Jovica Milijic taw il-kwalifikazzjoni għal ŻRQ Bormla.

Il-finali tal-E & L Futsal Trophy se tintlagħab nhar il-Ġimgħa li ġej fil-Padiljun tal-Iskola Nazzjonali tal-Isport u tibda fid-8.45pm.

Ekonomija

Sport