Thursday, May 7, 2026

Il-PM Robert Abela jħabbar mentorship għal imprendituri żgħażagħ, assistenza legali b’xejn għal start-ups u National Business Wallet

- programm ta’ mentorship għall-imprendituri żgħażagħ biex ikollhom l-għarfien meħtieġ biex jibnu n-negozji tagħhom - Żgħażagħ bi start-up se jingħataw assistenza legali b’xejn u eżenzjoni mill-miżati tal-Malta Business Registry għall-ewwel ħames snin - Se jitnieda n-National Business Wallet biex in-negozji jkollhom verżjoni diġitali tad-dokumenti, liċenzji u permessi tagħhom

Aqra wkoll

Meta kien qed jieħu sehem f’diskussjoni f’Santa Luċija, il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert ħabbar 3 proposti ġodda li huma mmirati għall-imprendituri żgħażagħ u start-ups.  Fisser kif żgħażagħ ta’ bejn is-16 u t-18-il sena li fetħu l-ewwel negozju tagħhom permezz ta’ Intrapriża 16 se jingħataw iċ-ċans li jsegwu programm ta’ mentorship minn imprendituri Maltin biex ikollhom iktar għarfien jibnu n-negozju tagħhom.

Ħabbar ukoll li żgħażagħ li jwaqqfu start-up se jingħataw assistenza legali b’xejn u eżenzjoni mill-miżati tal-Malta Business Registry għall-ewwel ħames snin mit-twaqqif tan-negozju tagħhom.  Qal li proposta oħra tinkludi t-tnedija tan-National Business Wallet biex in-negozji jkollhom verżjoni diġitali tad-dokumenti, liċenzji u permessi tagħhom, b’sistema li tnaqqas il-burokrazija u tħaffef il-proċessi amministrattivi.

Il-Prim Ministru sostna li llum il-pajjiż jinsab f’pożizzjoni fejn jista’ jagħżel investimenti li jagħtu valur miżjud reali lill-ekonomija u li joħolqu karrieri ta’ kwalità għaż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin. Huwa qal li l-investiment MedTech huwa eżempju ċar ta’ dan, hekk kif se jistabbilixxi faċilità avvanzata ta’ manifattura f’Malta permezz ta’ investiment totali ta’ €150 miljun.

Dr Abela spjega kif dan il-proġett li beda bħala idea, wassal biex kumpanija internazzjonali tagħżel lil Malta fost diversi pajjiżi oħra sabiex twettaq dan l-investiment. Qal li r-raġunijiet ewlenin wara din l-għażla kienu l-istabbiltà fis-suq tal-enerġija u d-direzzjoni ekonomika ċara tal-pajjiż permezz tal-Malta Vision 2050, investiment li se jinħoloq 250 karriera ġdida ta’ kwalità għaż-żgħażagħ tagħna, b’opportunitajiet fis-settur xjentifiku u mediku.

Fid-diskors tiegħu, Dr Abela għamel ukoll referenza għall-kuntrast fid-direzzjoni ekonomika bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni, fejn sostna li filwaqt li l-Gvern qed jattira investiment ta’ valur miżjud u karrieri ta’ kwalità, il-Partit Nazzjonalista qed jipproponi mudelli ta’ investiment li ma jagħtux l-istess prospetti għaż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin.

Il-Prim Ministru temm jgħid li l-Gvern se jibqa’ jiffoka fuq il-benesseri tal-poplu, il-ħolqien ta’ opportunitajiet tax-xogħol u t-tisħiħ tal-ekonomija, filwaqt li sostna li l-miżuri kollha li qed jiġu proposti huma bbażati fuq ekonomija robusta u pjan finanzjarju sostenibbli.

F’din id-diskussjoni ħadu sehem ukoll il-kandidati Mariah Meli u David Caruana, li t-tnejn se tikkontestaw fuq id-9 u l-10 distrett. Tkellem ukoll Omar Rababah li wara jiem ta’ riflessjoni mal-familja tiegħu għażel li jissottometti l-applikazzjoni tiegħu biex jikkandida ruħu mal-Partit Laburista.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport