“Min hu l-investitur moħbi wara l-proposta tal-pompa tal-fuel mill-Partit Nazzjonalista?” Staqsa dan il-Prim Ministru Robert Abela waqt li kien qed iwieġeb mistoqsijiet tal-ġurnalisti.
Dwar din il-proposta, li l-Kap Nazzjonalista Alex Borg sejħilha “petrol station f’nofs il-Mediterran”, il-PN għażel li ma jgħaddix lill-midja u lill-pubbliku l-preżentazzjoni tal-proġett.
Però, il-Prim Ministru, bil-preżentazzjoni tal-istess proposta f’idejh, tenna kif fil-kontenut tagħha hemm manipulazzjoni fin-numri tal-proġett.
Iżjed minn hekk, staqsa jekk min qed jimbotta din il-proposta huwiex l-akbar kuntrabandist taż-żejt li kien hawn.
Iddikjara li l-istess persuna pprova jbigħ il-proposta lilu stess u hu rrifjutaha, għax hemm ukoll taħwid dwar iż-żmien li fih jista’ jitwettaq dan il-proġett.
“It-timeline li fih se jitwettaq dan il-proġett, dażgur għax min l-għaref li bigħ din l-idea li ġie biha lili wkoll, qallu biex wara l-elezzjoni, jiffirma MOU mal-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Jekk tiddubitani, jekk għandix preżentazzjoni, tinsab quddiemi. L-aħħar waħda, nitlobkom tistaqsu bħala membri tal-istampa min hu l-investitur moħbi wara dan il-proġett?
Staqsu hux l-akbar kuntrabandist taż-żejt li kellna f’pajjiżna. Dawk huma l-persuni li qed ifasslu l-manifest elettorali tal-Kap tal-Oppożizzjoni mhux ta’ b’xejn jien din l-idea armejtha,” qal il-Prim Ministru Robert Abela
Sadanittant, il-Prim Ministru qal kif, fil-preżentazzjoni tal-Partit Nazzjonalista, hemm manupilazzjoni fin-numri ta’ kemm il-proġett se jkun qed iħalli fl-ekonomija Maltija.
Qal li l-Partit Nazzjonalista gideb għax żied iċ-ċifri b’erba’ darbiet aktar minn kemm huma tassew.
“Ninnota kif għażel li jimmanipula n-numri li hemm f’din il-preżentazzjoni. L-ewwel wieħed, fejn qal li dan il-proġett se jkun qed jixħet fil-karus ta’ Malta €450 miljun, żiedu b’erba’ darbiet aktar milli dak li hemm fil-preżentazzjoni … €105 miljun hemm fil-preżentazzjoni,” tenna l-Prim Ministru Robert Abela.


