Tliet ħaddiema li xogħlhom hu l-protezzjoni tat-tfal tneħħew mix-xogħol wara li ġie żvelat li kien hemm diversi rapporti dwar il-benesseri ta’ tifla żgħira qabel il-qtil allegat tagħha.
Kumanjayi ġiet rrappurtata nieqes minn dar f’kamp fil-belt Old Timers fil-periferija ta’ Alice Springs fil-25 ta’ April. L-għejbien tagħha wassal għal tfittxijiet kbar. Il-katavru tagħha instab ħamest ijiem wara.

Jefferson Lewis, ta’ 47 sena, ġie akkużat bil-qtil tat-tifla ta’ ħames snin u reati oħra. Il-Ministru tal-Protezzjoni tat-Tfal tat-Territorju tat-Tramuntana Robyn Cahill ikkonfermat li tliet ħaddiema tal-protezzjoni tat-tfal tneħħew mix-xogħol minħabba l-każ tat-tifla.
Hija qalet li kienet ikkuntattjat lid-Dipartiment tat-Tfal u l-Familji biex issir taf jekk kienx hemm oqsma ta’ tħassib rigward it-tifla. Il-Ministru qalet li mbagħad talbet rapport sħiħ, u dan qiegħed indika l-ħtieġa li jiġi investigat kif twettqu l-proċessi.
“Bħala riżultat tal-investigazzjoni inizjali li saret, kien hemm tliet membri tal-istaff li tneħħew mir-rwoli li kienu qed jokkupaw. Dik ma kinitx id-deċiżjoni tiegħi, dik kienet deċiżjoni tad-dipartiment.”
Ġie rapportat li kien hemm sitt rapporti reċenti magħmula mill-pulizija, staff tax-xelter tan-nisa u qarib dwar il-kundizzjonijiet tal-għajxien tat-tifla.
Lewis ġie arrestat fil-kamp tal-belt wara li identifika ruħu mar-residenti, li sawtuh sakemm telaq minn sensih.
Hu tqiegħed taħt għassa fl-Isptar Alice Springs, fejn folla rrabjata talbet li jiffaċċja l-ġustizzja tradizzjonali, b’xi wħud mill-irvellijiet jisirqu n-negozji lokali.
Jefferson Lewis, 47 ġie akkużat bil-qtil ta’ din it-tifla. Hu ttieħed lejn Darwin mill-Pulizija biex tipproteġi lilu u lill-istaff tal-isptar.
Il-Pulizija qalet li 30 persuna kienu ġew arrestati b’rabta mal-irvellijiet u s-serq b’rabta ma’ dan il-qtil. Il-mewt tat-tifla wasslet għal sejħiet mill-oppożizzjoni federali għal reviżjoni tal-kundizzjonijiet fil-kampijiet tal-belt u l-flus minfuqa fuq is-siti, kif ukoll Kummissjoni Irjali dwar l-abbuż tat-tfal indiġeni.
Il-President tas-Servizzi Legali Nazzjonali Aboriġinali u tal-Gżejjer tat-Torres Strait, Nerita Waight, qalet li l-mewt tat-tifla enfasizzat fallimenti sistemiċi.


