Jumejn qabel is-summit tal-Kunsill Ewropew fid-19 u l-20 ta’ dan ix-xahar, il-Prim Ministru tal-Italja Giorgia Meloni sejħet għal approċċ pragmatiku tal-Unjoni Ewropea lejn l-amministrazzjoni ta’ Donald Trump, u rwol aktar b’saħħtu tal-UE fin-NATO li jkun jaqbel ma’ dak tal-Amerika.
Meloni kienet qed tindirizza lill-parlament Taljan nhar it-Tlieta 17 ta’ Diċembru meta qalet dan waqt li nnotat l-importanza ta’ “approċċ pragmatiku, kostruttiv u miftuħ” mal-Istati Uniti. Hija ssuġġeriet li jiġu sfruttati oqsma ta’ kooperazzjoni bejn l-UE u l-Istati Uniti filwaqt li t-tnejn jaħdmu biex jipprevjenu tilwim kummerċjali li jagħmel ħsara liż-żewġ naħat.
Fi tweġiba li tat għal mistoqsija minn membru parlamentari taċ-ċentru xellug, Meloni ċaħdet li l-president elett tal-Istati Uniti huwa għadu tal-Ewropa.
Sostniet li “jekk hemm tħassib dwar politiki ekonomiċi protezzjonisti, li ċertament irridu naħdmu biex nevitaw, ma nemminx li xi ħadd jibda djalogu ma xi ħadd li jqis bħala ghadu.
Dwar id-difiża Ewropea, Meloni stqarret il-ħtieġa għal Ewropa aktar b’saħħitha u awtonoma fi ħdan il-qafas tan-NATO. Żiedet tgħid li l-Ewropa għandha timmira li toħloq pilastru Ewropew fin-NATO li jkun jaqbel ma’ dak Amerikan fil-piż u d-dinjità.
Il-Prim Ministru Taljana l-bieraħ kienet Brussel għas-summit ta’ Weimar Plus mal-mexxejja Franċiżi, Ġrmaniżi, Pollakki, Brittaniċi, u Ukranjani u s-Segretarju Ġnerali tan-NATO Mark Rutte.
Meloni ċaħdet ukoll argumenti tal-oppożizzjoni illi l-Italja hija iżolata fi ħdan l-Unjoni Ewropea u stqarret li l-fatti juru mod ieħor u b’eżempju semmiet li ħatra ta’ Raffaele Fitto bħala viċi-president eżekuttiv tal-Kummissjoni kisret il-cordon sanitaire li kien iwarrab lill-konservattivi fi ħdan l-UE.
Dwar is-Sirja, Meloni ddeskriviet il-waqgħa tar-reġim ta’ Assad bħala aħbar tajba iżda esprimiet tħassib dwar il-futur tal-pajjiż.
“L-Italja, l-uniku nazzjon tal-G7 b’ambaxxata miftuħa f’Damasku, hija lesta li timpenja ruħha mat-tmexxija l-ġdida tas-Sirja,” qalet u filwaqt li ħeġġet għal kawtela sostniet li “l-kliem irid ikun segwit minn azzjonijiet, u l-Italja se tiġġudika lill-awtoritajiet il-ġodda fuq l-għemejjel tagħhom.