Friday, April 19, 2024

Il-PM tas-Sudan jerġa’ jidħol fil-kariga wara l-kolp ta’ stat

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru tas-Sudan, li kien jinsab taħt arrest ġewwa daru wara l-kolp ta’ stat militari li seħħ ix-xahar li għadda, se jkun qiegħed jerġa’ jitpoġġa fil-kariga. Apparti hekk, il-medjaturi qalu li l-politikanti li ġew arrestati se jkunu qegħdin jiġu meħlusa grazzi għal ftehim milħuq bejn il-militar, il-mexxejja ċivili u eks gruppi ribel-
li. 

Kien fil-25 ta’ Ottubru li għadda meta l-ġeneral militari tas-Sudan ħabta u sabta ddikjara stat ta’ emerġenza u xolja l-gvern ċivili. Dan kien wassal għal protesti kbar li damu għaddejjin ġimgħat u li ħallew għexieren ta’ persuni mejta. 

Il-ftehim kien milħuq is-Sibt u ġie ffirmat ilbieraħ. Kien il-grupp ta’ medjaturi – li huwa ffurmat minn akkademiċi, ġurnalisti u politikanti – li ħarġu l-istqarrija fejn fiha ħabbru dan il-ftehim. L-isqarrija tgħid illi Hamdok u l-membri tal-kabinett tiegħu li kienu ġew arrestati fil-kolp ta’ stat se jiġu meħlusa filwaqt li Hamdok jerġa’ jirritorna għall-kariga tiegħu ta’ Prim Ministru. Apparti hekk, ir-reġolamenti li kienu ddaħħlu biex is-Sudan jibda l-mixja tiegħu lejn id-demokrazija se jerġgħu jidħlu fis-seħħ. 

Il-militar tas-Sudan u l-mexxejja ċivili ilhom fi tmexxija konġunta minn Awwissu tal-2019. Huma kienu daħlu fi ftehim wara t-tneħħija tal-president awtoritarju Omar al-Bashir.

Sport