Saturday, May 4, 2024

“Il-prekawzjoni ma titteħidx meta nsibu rwieħna fil-periklu”

Id-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili Peter Paul Coleiro

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“L-għotien tat-tankijiet tal-bejt ma jintrabtux sew meta jqum ir-riħ. Kien hemm persuni li weġġgħu f’dawn is-sitwazzjonijiet. Il-ħin li jsiru dawn l-affarijiet huwa meta t-temp huwa kajman. Jekk int għandek pompa tal-ilma għax taf li fil-garaxx jidħollok ħafna ilma, trid tiċċekkja taħdimx mhux meta jkun mgħerreq, jew se taħdem jew le dak il-ħin”.

Dan il-kliem qalu id-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili Peter Paul Coleiro, f’intervista ma’ dan is-sit, fejn fakkar li għalkemm din il-maltempata riċenti, ma ġabitx magħha ħafna ilma kkawżata mix-xita, dawn huma tnejn mill-agħar xhur tas-sena li fihom l-aktar li nistennew dawn it-tip ta’ maltempati. Dawn il-maltempati għandhom perikli oħra li jistgħu jseħħu fil-jiem li ġejjin, bħalma huma ħitan li jċedu għall-pressjoni ta’ ilmijiet kbar.

Bżonn li l-pubbliku jagħti aktar kas tat-twissijiet

Huwa qal li din it-tip ta’ maltempata l-ikbar periklu tagħha kien ir-riħ li jinkludi mewġ qawwi u ħsara kbira ta’ vetturi. Sostna li importanti li l-pubbliku jagħti kas rapporti meterjoloġiċi fejn illum fil-midja, sa minn jiem qabel jibdew jinħarġu twissijiet u għalhekk il-bżonn li dak li jkun jikkopera u pereżempju ma jipparkjax il-karozza f’postijiet fejn huma magħrufin sew li jitla l-ilma baħar.

Fejn jidħol l-irkuprar ta’ dawn il-vetturi, Coleiro qalilna li l-aktar affettwat kien iċ-Ċirkewwa b’numru kbir ta’ vetturi li ġarrbu ħsarat estensivi kawża tal-elementi li ma jġibu l-ebda ħniena ladarba jibdew u oħrajn li saħansitra spiċċaw il-baħar.

Huwa qalilna li għalkemm ma tagħmilx sens li jirriskjaw il-ħajja tal-uffiċjali f’każijiet fejn m’hemmx ħajja ta’ persuna involuta, vetturi li jkun għad hemm possibbiltà li tiġi rkuprata, tiskatta ħidma pjanata biex dan iseħħ.

Oħrajn fejn is-sitwazzjoni turi li huma każi mitlufin u m’hemm l-ebda ħajja fil-periklu, normalment jidħol il-privat minħabba poloz ta’ assigurazzjoni.

“Il-prevenzjoni hija dejjem aqwa mill-kura. Resqin lejn l-agħar ġimgħat u għalhekk dak li jkun m’għandux jistenna l-periklu jikber biex jaġixxi u jelimina dan l-istess periklu.

Kienet maltempata li affettwat il-Gozo Channel u bl-ebda mod m’jien se nnaqqas mill-mertu tal-maltempata imma meta kkumparata ma maltempati oħra, kellha ħafna agħar minnha”, temm jgħid Coleiro.

Sport