Wednesday, April 24, 2024

Il-Premier League jippjana li jrażżan l-infieq ta’ Newcastle u Man City

Aqra wkoll

Il-Premier League qed jippjana li jdaħħal regoli ġodda biex jipprevjeni lill-clubs li jużaw it-ti­mijiet alimentatriċi u/jew satellitari tagħhom biex iħallsu lill-players u lill-coaches f’tentattiv ieħor biex irażżan is-saħħa tal-infieq ta’ Manchester City u Newcastle.

Ir-regolamenti l-ġodda se jiffurmaw parti minn restrizzjonijiet aktar stretti fuq ftehimiet ta’ sponsorships ta’ partijiet relatati li għandhom jiġu miftiehma aktar tard dan ix-xahar f’rispons dirett għat-teħid ta’ Newcastle għal £305 miljun immexxijin mill-Għarabja Sawdija.

Is-sidien il-ġodda ta’ Newcastle għamluha ċara li qed jippjanaw li jsegwu l-mudell tas-City Football Group li jistabbilixxu network globali ta’ clubs, u dan iwassal għal biżgħat fost xi rivali tal-ogħla livell li tali set-up jista’ jintuża biex jevita r-regolamenti tal-Financial Fair Play (FFP).

Dokumenti żvelati miksuba mill-websajt Football Leaks fl-2018 dehru li juru li l-ex manager Roberto Mancini rċieva żewġ salarji meta kien mas-City – wieħed imħallas direttament mill-club, u l-ieħor iffinanzjat mill-Al Jazira Sports and Cultural Club, club ta’ Abu Dhabi, ikkontrollat ukoll mis-sid tas-City, Sheik Mansour.

Skond ir-regolamenti l-ġodda kwalunkwe ħlas lill-players jew persunal minn partijiet relatati, inklużi ftehimiet ta’ sponsorships, se jkollhom jiġu dikjarati lill-Premier League u se jitqiesu għall-kalkoli tar-regolamentazzjoni finanzjarja.

Is-City kienu akkużati li ppruvaw jaħbu nofs is-salarju ta’ Mancini biex jduru mal-FFP.

Id-dokumenti dehru juru li t-Taljan iffirma żewġ kuntratti fl-istess jum li mar fl-Etihad fl-2011 –  ftehim ta’ £1.45 miljuni fis-sena mas-City u ieħor li jiswa £1.75 miljuni ma’ Al Jazira li tħallas f’kumpanija shell offshore bbażata fil-Mauritius – iżda l-club qatt ma kien akkużat bi ksur tar-re­goli.

Is-City Football Group kompla jespandi minn meta twaqqaf minn Mansour fl-2013 u issa huwa magħmul minn 10 clubs madwar ħames kontinenti.

Newcastle għandhom pjani simili u s-sidien tagħhom diġà kellhom taħditiet ma’ diversi clubs fl-Ewropa dwar ix-xiri ta’ interess, fosthom Inter u Bordeaux, iżda għad iridu jaqblu dwar ftehim.

Minkejja l-oppożizzjoni inizjali tagħhom, kemm is-City kif ukoll Newcastle it-tnejn aċċettaw li regolamenti aktar stretti huma inevitabbli.

Sport