Monday, May 13, 2024

Il-President George Vella jiltaqa’ mal-komunità Maltija fl-istat ta’ Victoria fl-Awstralja

Aqra wkoll

“Minkejja d-distanzi kbar li jifirdukom minn Malta, aħna lkoll inqisukom bħala parti importanti u sħiħa mill-familja Maltija u Għawdxija tagħna”, kien il-messaġġ tal-President George Vella waqt attività mal-komunità Maltija fl-istat Awstraljan ta’ Victoria.

Il-President Vella rrimarka li minkejja li parti kbira mill-Maltin f’Melbourne tagħmel parti mit-tielet, possibbilment anke r-raba’, ġenerazzjoni Maltija fl-Awstralja, għadhom Maltin f’qalbhom. F’diskors tal-okkażjoni, il-President faħħar il-ħidma li jwettqu l-assoċjazzjonijiet Maltin f’Melbourne biex il-komunità Maltija tibqa’ magħquda u biex iżommu ħajjin it-tradizzjonijiet Maltin, inkluż biċ-ċelebrazzjoni ta’ għadd ta’ festi Maltin. Innota wkoll is-servizz li joffru numru ta’ stazzjonijiet tar-radju li jxandru programmi bil-Malti u s-servizz ta’ kura għall-anzjani pprovdut mill-Kunsill tal-Komunità Maltija fl-istat ta’ Victoria u f’faċilitajiet immexxija mis-sorijiet Maltin.

Skont l-aħħar ċensiment federali, f’Victoria jgħixu aktar minn 80,000 persuna ta’ dixxendenza Maltija. Ħafna mill-Maltin fil-Belt ta’ Melbourne emigraw wara li ġie ffirmat ftehim għal skema ta’ passaġġ assistit bejn Malta u l-Awstralja fil-31 ta’ Mejju 1948.

F’diskors, li partijiet minnu kienu bl-ilsien Malti, il-President Vella ħeġġeġ lill-komunità Maltija biex mhux biss tgħallem il-lingwa Maltija lill-ġenerazzjonijiet li tilgħin, iżda li xxerred l-għarfien dwar l-oriġini u l-evoluzzjoni tagħha u dak li jagħmilha unika.

F’Melbourne, il-President kellu laqgħat mal-membri tal-Kunsill tal-Komunità Maltija ta’ Victoria, li ilu għal dawn l-aħħar 65 sena jaħdem għall-ġid tal-komunità Maltija Awstraljana f’dan l-istat kif ukoll mal-membri tal-Assoċjazzjoni Kulturali Maltija ta’ Victoria.

Is-Sibt filgħodu, il-President Vella sellem il-memorja tal-antenati Maltin li tilfu ħajjithom matul il-Tieni Gwerra Dinjija bil-għan li nkunu nistgħu nħaddnu l-libertà u d-demokrazija f’ċerimonja ta’ tqegħid ta’ fjuri fuq ix-Shelter of Peace, monument li ġie mwaqqaf fl-1994 mill-Gvernijiet ta’ Malta u tal-Awstralja, il-Belt ta’ Melbourne, u l-Komunità Maltija f’Melbourne b’tifkira tal-għoti tal-George Cross lil Malta.

Il-President żar ukoll ix-Shrine of Remembrance fejn poġġa kuruna ta’ fjuri b’tifkira ta’ dawk kollha li servew u tilfu ħajjithom fl-Ewwel Gwerra Dinjija u fi gwerer oħrajn.

Akkumpanjat mill-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar, Stefan Zrinzo Azzopardi, il-President Vella kellu laqgħa wkoll mal-Gvernatur tal-Istat ta’ Victoria, Margaret Gardner. Matul il-laqgħa ddiskutew l-irwol tal-komunità Maltija f’dan l-istat u l-istorja tal-immigrazzjoni minn Malta għall-Awstralja kif ukoll il-mod kif l-Istat ta’ Victoria żviluppa għal wieħed aktar multikulturali.

Sport