Saturday, December 21, 2024

Il-PRESIDENT SIRJAN JAPPROFITTA RUĦU MIT-TERREMOT?

Ruben Briffa
Ruben Briffa
Analista dwar Avvenimenti Internazzjonali

Aqra wkoll

Minkejja li l-gwerra ġewwa s-Sirja issa ilha x-xhur li għebet mill-attenzjoni tal-midja internazzjonali miħhabba li ħafna mit-territorju reġa’ waqa’ f’idejn il-President Bashar al-Assad, is-sitwazzjoni ġewwa dan il-pajjiż, speċjalment f’ċerti żoni partikolari, għadha inċerta għall-aħħar. Dan għaliex għad hemm xi territorji li għadhom f’idejn ir-ribelli ta’ kontra l-istess al-Assad. Fil-fatt, waħda miż-żoni mmexxija minn dawn ir-ribelli li tinsab fil-majjistral tal-pajjiż kienet waħda mill-aktar postijiet li ntlaqtet ħażin mit-terremot kbir li laqat lit-Turkija u appuntu lis-Sirja.

Fit-13 ta’ Frar li għadda, il-Ġns Magħquda ħarġu aħbar fuq dan il-pajjiż li ngħatat ħafna prominenza mill-midja internazzjonali. Dan għaliex ġie mħabbar li Bashar al-Assad kien qiegħed ipoġġi fil-ġenb il-mibegħda li għandu għal dawn ir-ribelli u jħalli l-għajnuna mill-komunità internazzjonali għall-vittmi tat-terremot ġewwa dan ir-reġjun tgħaddi minn territorji li huwa għandu taħt il-kontroll tiegħu. Din l-aħbar setgħat ġiet interpretata bhala xi forma ta’ xi att umanitarju minn dan id-dittatur. Però, ħafna osservaturi tal-politika barranija qegħdin jgħidu li l-iskop wara din il-mossa ta’ al-Assad huwa kompletament differenti minn hekk.

It-tneħħija tas-sanzjonijiet

L-ewwel u qabel kollox, jekk fid-dinja hawn mexxej li jaf li sabiex issalva lin-nies minn taħt il-bini mwaqqa’ ma tridx tħalli aktar minn 72 siegha, dan huwa l-istess al-Assad għaliex wara snin ta’ bumbardamenti kienu ħafna dawk is-Sirjani li spiċċaw mirduma. Għalhekk il-fatt li al-Assad ħalla ġimgħa tgħaddi mid-data li fiha seħħ it-terremot sabiex ħalla il-makkinarju u l-fjuwil jidħlu għand l-avversarji tiegħu juri li żgur ma kellux f’moħħu li jgħinhom jew sabiex isalva l-ħajjiet.

Ħafna osservaturi tal-politika ta’ dan ir-reġjun qegħdin jgħidu li dan l-‘att ta karità’ minn al-Assad ma kienx ħlief każ ta’ opportuniżmu sfrenat mid-dittatur sabiex ikompli l-eżerċizzju tieghu li joħroġ mill-iżolament politiku li ilu fih kważi għaxar snin minħabba l-atroċitajiet li allegatament wettaq kemm ilu jmexxi lis-Sirja. Qabel it-terremot, al-Assad diġà kien beda dan l-eżerċizzju għaliex huwa rnexxielu jikkonvinċi lil ħafna pajjiżi Għarab sabiex jirrikonoxxuh bħala l-mexxej leġittimu tas-Sirja wara l-gwerra li semmejna aktar ‘il fuq. Permezz ta’ dan it-terremont, dejjem skont dawn l-osservaturi politiċi, al-Assad ra ċans tajjeb sabiex flimkien mal-pajjiżi Għarab issa jikkonvinċi wkoll lill-pajjiżi tal-punent sabiex jirrikonoxxuh huma ukoll. Fuq kollox, apparti r-rikonoxximent li semmejna al-Assad qiegħed jittama li l-punent ineħħi s-sanzjonijiet li hemm imposti fuq is-Sirja.

Ħtija fuq il-Punent

Minbarra din il-konċessjoni li semmejna aktar ‘il fuq, al-Assad u l-gvern tiegħu qegħdin jagħmlu sensiela ta’ dikjarazzjonijiet sabiex iwasslu l-messaġġ tagħhom għat-tneħħija tas-sanzjonijiet mill-punent b’aktar saħħa. L-argument li qegħdin jimbuttaw l-awtoritajiet Sirjani huwa li s-Sirja mhijiex sejra jkollha bżonn l-ebda għajnuna mill-punent kemm-il darba jitneħħew is-sanzjonijet għaliex skont huma, is-Sirja kapaċi tfendi għal rasha sabiex issewwi l-ħsara mit-terremot li s’issa ġewwa s-Sirja, ħalla aktar minn 7,000 vittma, numru li mistenni jkompli jikber.

Meta wieħed jeżamina dak li qiegħed jiġri ma jistax ma jintebaħx li dan l-argument huwa wieħed purament politiku. Dan għaliex is-sanzjonijiet bl-ebda mod ma qegħdin iżommu l-għajnuna umanitarja milli tasal ġewwa s-Sirja. Fil-fatt, bis-sanzjonijiet għadhom in-vigore, diġà waslet ħafna għajnuna fl-ajruport tal-belt kapitali ta’ Damasku minn diversi pajjiżi li huma kkunsidrati bħala alleati tal-Istati Uniti, pajjiżi li jinkludu l-Egittu, l-Gordan u Emirati Għarab Magħquda. Sabiex wieħed ikun kompletament korrett, effettivament kien hemm xi diffikultajiet sabiex donazzjonijiet monetarji jidħlu ġewwa s-Sirja, però, din id-diffikultà ġiet solvuta mill-ewwel permezz ta’ konċessjoni bankarja li oriġinat mill-Istati Uniti.

Ir-ribelli

Sabiex wieħed ikun qiegħed jagħti stampa ċara tas-sitwazzjoni politika ġewwa s-Sirja, ta’ min jgħid li dawn ir-ribelli ta’ kontra al-Assad mhumiex faċli li taħdem magħhom f’sitwazzjonijiet bħalma huma dawk ta’ bħalissa. Fil-fatt, dawn mhumiex jaċċettaw kull għajnuna li huma jaħsbu li tkun ġejja kemm mit-territorji ta’ al Assad u kemm dawk li huma taħt idejn il-Kurdi. Sa qabel it-terremot dawn ir-ribelli kienu jaċċettaw għajnuna biss mit-Turkija. Però, issa mit-Turkija l-għajnuna mhijiex faċli li tiġi minħabba li naturalment il-gvern Tork qiegħed jiġbed lejh u jżomm kemm jista’ jkun mill-għajnuna internazzjonali għalih.

Al-Assad jirnexxilu?

Jekk xejn, id-devastazzjoni kkaġunata mit-terremot qiegħda taħdem favur al-Assad minħabba li permezz tagħha reġa’ qam l-argument li s-sanzjonijiet minflok qegħdin jolqtu lir-reġim ta’ al Assad qegħdin jolqtu b’mod dirett liċ-ċittadini innoċenti. L-aktar sanzjonijiet li qiegħda ssir pressjoni mill-midja internazzjonali sabiex jitneħħew appuntu għaliex qegħdin ikomplu jgħaffġu lin-nies huma dawk li jaqgħu taħt ‘l hekk imsejjaħ Caesar Act. Bażikament, dan is-Caesar Act huwa pakkett ta’ sanzjonijiet impost fuq is-Sirja mill-Istati Uniti li ġie implimentat lura fl-2019. L-aktar sanzjonijiet li jispikkaw fih huma dawk li jolqtu is-setturi tal-enerġija u l-kostruzzjoni, setturi li huma indispensabbli li jkunu qegħdin joperaw minghajr tfixkil wara gwerra u terremot bħalma għaddiet minnhom is-Sirja.

Minn dak kollu li rajna wieħed japprezza d-diffikultajiet li għaddejjin minnhom il-pajjiżi tal-punent rigward kif sejrin jgħinu aktar lill-poplu Sirjan. Id-dilemma bejn ix-xewqa li jgħinu lin-nies komuni Sirjani sabiex ikollhom l-enerġija elettrika kif suppost u fuq kollox saqaf fuq rashom u x-xettiċiżmu li jgħinu reġim immexxi minn dittatur li kemm-il darba kien akkużat bi ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem żgur ma twassalx għal deċiżjonijiet faċli fuq il-gvernijiet li jridu jgħinu lil dan il-pajjiż sfortunat.

Ekonomija

Sport