Il-President ta’ Malta, Myriam Spiteri Debono, attendiet għat-‘Tazza tal-President’ ta’ EquestriMalta nhar il-Ħadd wara nofsinhar fil-Malta Equidrome, fil-Marsa.
Il-President ħadet sehem ukoll fiċ-ċerimonja tal-għoti tal-premjijiet, li mmarkat it-tmiem ta’ ġurnata ta’ tiġrijiet taż-żwiemel tat-trott f’dan il-kumpless.
Dan l-avveniment annwali, li ilu jsir mill-1992, serva wkoll biex jappoġġja kawża ta’ karità, bl-ispettaturi u dawk preżenti jiġu mħeġġa jagħmlu donazzjonijiet matul il-waranofsinhar.
Il-fondi miġbura se jiġu ppreżentati minn EquestriMalta waqt ‘L-Istrina’ – l-akbar attività annwali ta’ ġbir ta’ fondi f’Malta – li tradizzjonalment tixxandar diretta fuq l-istazzjonijiet televiżivi ewlenin tal-pajjiż l-għada tal-Milied.




