Friday, December 13, 2024

IL-PREZZIJIET

Aqra wkoll

Sakemm l-għoli tal-ħajja ma jkunx għoli, l-affarijiet li jolqtu lill-konsumaturi ma tantx ikunu fuq quddiem nett.  Biss meta l-għoli jibda jiċċaqlaq, allura hemm l-importanza tal-interessi tal-konsumaturi terġa’ toħroġ fil-beraħ.

Sa ftit ilu anki l-istess konsumaturi ma tantx kienu jħabblu rashom fuq l-interessi tagħhom.  Ir-raġunijiet prinċipali kienu tnejn.  L-ewwel raġuni hi li n-nies għandhom ħafna flus fil-but u l-viżjoni hi li l-ekonomija ser tkompli tikber u għalhekk il-pożizzjoni tal-konsumaturi ma setgħetx tmur lura.  Barra dan kien hemm fattur ieħor.  Il-Gvern kull meta jara li kien hemm ċaqliqa mal-ewwel jieħu passi biex jgħin lill-konsumatur.  Eżempju ċar kien meta l-BENNA kienu għollew il-prezz ta’ oġġetti essenzjali bħal ħalib.  Għalkemm l-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni kien beda jinvestiga l-investigazzjoni li ħadet snin biex tasal għall-konklużjoni – il-Gvern ma qgħadtx joqgħod jistenna u ħareġ sussidju lill-konsumaturi. 

It-tieni raġuni kienet li l-prezzijiet jiċċaqilqu bil-mod.  Għalhekk, għall-konsumatur kien hemm stabilita’.  Stabilita’ fil-prezzijiet hi importanti għall-konsumatur.  Ir-raġuni hi waħda sempliċi.  Il-maġġoranza tal-konsumaturi, l-ewwel pre-okkupazzjoni hi l-familja.  Huma jkunu jridu li jmexxu l-familja ‘l quddiem.  Dawk li jkollhom it-tfal, dawn jieħdu l-ewwel importanza.  Wara jkun hemm il-karriera ta’ dak li jkun.  Ma nippretendux lill-konsumatur jaħli ħinu jdur il-ħwienet biex isib l-orħos prezz ta’ oġġett għalkemm ma jfissirx li ma joqgħodx attent biex ma jmurx jixtri għand min jaf li l-prezzijiet li offri huma għoljin aktar minn ta’ ħaddieħor.  

L-importanza tal-prezzijiet mhix xi ħaġa ta’ konsumaturi Maltin biss għax issibha kullimkien.  Għadni niftakar waħda Ingliża, meta konna Brussels, waqt konferenza tgħid biex iħajru lill-konsumaturi biex dawn ma jibqgħux mal-istess kumpanija li tipprovdi l-elettriku, imma jibdlu biex ikabbru l-kompetizzjoni f’dan is-settur.  Din qalet li tajjeb li l-prezzijiet jinżlu, imma m’għandniex nistennew li l-konsumatur juża ħinu biex jara kif qed ivarjaw il-prezzijiet għax l-ewwel attenzjoni hi l-familja.  Issa dan, l-Ingilterra fejn il-familja kull m’għandha farka mill-importanza meta mqabbla ma’ dik f’Malta.

Biss dan l-aħħar sentejn l-affarijiet inbidlu.  L-ewwel kellek il-pandemija fejn bdejna nisimgħu li ser ikun hawn nuqqas ta’ affarijiet minħabba l-lockdowns.  Minħabba dan, kien hemm ħafna konsumaturi li kienu intlew b’affarijiet.  Il-prezzijiet veru li minn barra bdew telgħin.  Imma kien hemm min dawwar din il-problema tal-konsumatur favur tiegħu, għaliex beda jgħolli l-prezzijiet.  Dan rajnieh f’kumpaniji kbar, imma rajnieh ukoll fil-ħwienet, speċjalment dawk żgħar, li mal-ewwel ħadu l-opportunita’ biex jgħollu l-prezzijiet.  

Biss minħabba li l-provista baqgħet għaddejja, l-affari kkalmat.  Imma issa, minħabba l-gwerra fl-Ukranja, erġajna dħalna f’din is-sitwazzjoni.  Veru li l-prezzijiet għolew minn barra, imma din id-darba hemm ħafna li mhux iżommu mal-prezzjiet ta’ barra imma qed jieħdu vantaġġ sew.  

Din id-darba hemm oħrajn li biex ma jidhrux li qed jgħollu l-prezzijiet, speċjalment ħwienet kbar, qed jagħmlu mod ieħor.  Il-prezz li jkun immarkat l-oġġett ma jkunx għoli, biss il-prezz li int tħallas ikun.  Hemm konsumaturi li qabel ma joħorgu minn dawn il-ħwienet qed jiċċekkjaw il-kont.  Biss xorta hu diffiċli għall-konsumatur li jiftakar il-prezzijiet li jkunu mmarkati l-prodotti.  Dan qed niktbu għaliex bħala Għaqda, din id-darba, ilmenti bħal dawn żdiedu sew.  

L-iskuża li jġibu hi li l-ħaddiema tagħhom ikunu ħadu żball meta jkunu qed jimmarkaw il-prodotti bil-prezz.  Skuża li lili ma tinżillix għax il-ħaddiem mhux ser jiggwadanja xejn għax il-paga tibqa’ l-istess.  Ir-raġuni hi sempliċi.  L-ewwel ħaġa tara mill-iżbalji.  Kumbinazzjoni (!) dejjem jiġri li l-prezz li jkun immarkat bih il-prodott dejjem ikun anqas minn dak li jkun fil-kont.  Li kieku jkunu żbalji, kieku xi darba konna nisimgħu li konsumatur sab li l-prezz ta’ prodott fil-kont kien anqas minn dak li bih kien immarkat il-prodott.  

Raġuni oħra hi li kieku verament tal-ħanut kellu intenzjoni tajba, kieku kien joħroġ avviż li kellu xi prezz immarkat ħażin u min iġiblu l-irċevuta hu jkun lest li jħallas id-differenza.  Kieku jsir hekk, kieku nemmen li dawn huma żbalji.  Biss s’issa ħadd m’għadu għamel hekk!

Imma l-aktar li tirritani hi l-attitudni tal-Uffiċċju tal-Konsumaturi fl-MCCAA li jassumi li dawn huma żbalji żgħar u jekk jiġu kkoreġuti, kollox jgħaddi u għalhekk ma jieħdux passi.  Mhux talli hekk, iżda kumpanija li skont il-kundizzjonijiet tagħha dawn l-iżbalji jistgħu jsiru u l-konusmatur ikollu jħallas prezz għoli, din kienet qaltilna li dawn il-kundizzjonijiet ġew approvati mill-Uffiċċju tal-Konsumaturi, MCCAA.  Għalija dawn huma serji, għaliex barra li qed ikomplu jgħollu l-ħajja mingħajr raġuni, qed jagħfsu lill-konsumaturi fi żmien meta l-konsumaturi l-aktar li għandhom bżonn stabilita’ fil-prezzijiet.  

Inkun ċar, l-Uffiċċju tal-Konsumaturi fl-MCCAA hu indipendenti skond il-liġi u ħadd, inkluż il-Gvern ma jista’ indaħallu.  Biss hi stramba li istituzzjoni li suppost qed tiddefendi lill-konsumatur, qed tapprova dawn l-affarijiet li jmorru kontra l-interessi tal-konsumatur!

Ekonomija

Sport