Wednesday, April 24, 2024

INĦADDMU RASNA GĦALL-ĠID TAGĦNA

Evarist Bartolo

Aqra wkoll

F’dinja ta’ 193 stat, hawn 158 li huma newtrali jew non-allinejati jew it-tnejn f’salt. M’huma fl-ebda alleanza militari mdaħħla f’kunflitti bejn il-qawwiet il-kbar. 21 minn dawn il-pajjiżi jiddikjaraw in-newtralita` tagħhom fil-kostituzzjoni tagħhom jew f’xi trattat.

Dawn huma l-Awstrija, il-Kosta Rika, il-Finlandja, l-Irlanda, il-Ġappun, il-Liechtenstein, Malta, il-Messiku, Monako, il-Mongolja, il-Moldova, il-Panama, Rwanda, San Marino, is-Serbja, Singapore, l-Iżvezja, l-Iżvizzera, it-Turkmenistan, l-Uzbekistan u l-Vatikan.

120 pajjiż huma membri (17 oħra huma osservaturi) tal-Moviment Non-Allinejat li jfisser li jħaddmu politika internazzjonali indipendenti bbażata fuq li pajjiżi b’sistemi soċjali u politiċi differenti jistgħu jgħixu flimkien. Huma jappoġġjaw movimenti nazzjonali favur l-indipendenza. M’huma fl-ebda alleajanza militari u m’għandhomx bażijiet militari mdaħħla f’kunflitti bejn il-qawwiet il-kbar.

Bil-gwerra Russa kontra l-Ukrajina r-relazzjonijiet internazzjonali daħlu f’maltemp ġdid u fid-dinja qed tkompli tiżdied il-firda bejn blokok differenti bejn Stati Uniti, NATO u Unjoni Ewropea, iċ-Ċina, ir-Russja u l-pajjiżi tal-Afrika l-Asja u l-Amerika Latina. Dawn il-firdiet bejn il-Punent magħmula mill-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea, iċ-Ċina u r-Russja mistennija jkomplu jiżdiedu. Ħafna mill-pajjiżi fl-Afrika, fl-Asja u fl-Amerika Latina jixtiequ li ma jżommux ma’ xi naħa kontra oħra, iżda jridu li jibqgħu ħbieb ma’ kulħadd. Naħseb li f’dinja mimlija firdiet u tensjoni bħal din, aħna jaqblilna jkollna relazzjonijiet tajbin mal-akbar numru ta’ pajjiżi f’kull kontinent.

Ninsabu f’nofs il-Mediterran li jmiss mal-kontinent Ewropew, Afrikan u Asjatiku. Jaqblilna li jkollna relazzjonijiet tajbin ma’ dawn it-tliet kontinenti. In-newtralita` tgħinna nkunu f’relazzjonijiet tajba għax nistgħu naħdmu favur il-paċi u m’ahna theddida għal ħadd.

Kull pajjiż fid-dinja, inkluż Malta, għandu r-realta` tiegħu, l-istorja tiegħu, il-qagħda ġeografika tiegħu, l-ekonomija tiegħu, il-kultura tiegħu … u waqt li kull pajjiż żgur jista jitgħallem mill-kisbiet u mill-iżbalji ta’ pajjiżi oħra, żgur ma jistax jimita għal kollox dak li jagħmel pajjiż ieħor li żgur għandu r-realta` differenti tiegħu.

Inħarsu lill-poplu tagħna

Waqt li għandna d-dmirijiet tagħna internazzjonali, skont is-sħubija tagħna fin-Nazzjonijiet Magħquda, fl-Unjoni Ewropea, fil-Kunsill tal-Ewropa, fl-Unjoni għall-Mediterran … u għaqdiet oħra internazzjonali xorta rridu nħaddmu rasna biex nieħdu l-aħjar deċiżjonijiet għall-poplu tagħna u għall-pajjiżna flok sempliciment naqbdu u nobdu dak li jordnalna ħaddiehor.

Spiss pajjiżi akbar u b’saħħithom iżjed minn pajjiżi oħra jkunu jridu jindaħlu u jordnaw x’jagħmlu pajjizi iżgħar minnhom.

Suppost li aħna lkoll pajjizi ndaqs bid-dritt li nmexxu lilna nfusna għall-gid tal-poplu tagħna u bla ma nagħmlu ħsara lill-pajjiżi oħra.

Inkunu qed inċekknu u ndgħajfu lilna nfusna jekk flok inħaddmu rasna għall-ġid tagħna, naqbdu u b’għajnejna magħluqa nobdu pajjiż ieħor, hu min hu. Aħna ma nistgħux ninfluwenzaw x’jiġri fil-bqija tad-dinja iżda żgur li dmirna li nagħmlu dak kollu li nistgħu biex dak li jiġri fil-bqija tad-dinja jolqotna għall-ġid u ma jagħmlilniex ħsara. Per eżempju żgur li ma nistgħux ninfluwenzaw il-prezz taż-żejt u tal-gass, il-prezz tal-ikel, il-prezz tal-fertilizzant u tat-trasport, tal-metalli u tal-microchips …

Iż-żieda fil-prezzijiet u l-iskarsezzi ġejjin mill-effetti tal-Covid, tal-klima u tal-gwerra fl-Ukrajina. Hemm ħafna pajjiżi akbar minna fejn bħalissa n-nies, l-aktar dawk li jifilħu l-inqas, qed iweġġgħu minħabba l-għoli tal-ħajja. Qed jagħmel sew il-gvern Malti li jħares lill-poplu Malti biex kemm jista’ jkun ma jweġġax mill-għoli tal-ħajja li qed tolqot lid-dinja kollha.

Sport