Saturday, May 4, 2024

Il-POU bi proposta ta’ installazzjoni ta’ CCTVs minflok rondi kontinwi f’Tas-Sliema

Aqra wkoll

Il-Police Officers’ Union fi ħdan il-General Workers’ Union se tressaq proposta lill-amministrazzjoni tal-Korp u lill-Gvern b’rabta mas-sitwazzjoni li inħolqot din il-Ġimgħa fil-lokalità ta’ Tas-Sliema, kif ukoll b’rabta ma’ lokalitajiet oħrajn.

Skont il-POU, il-proposta attwali li ikun hemm ronda kontinwa fix-xatt ta’ Tas-Sliema mhix neċessarjament is-soluzzjoni li toffri l-ikbar sigurtà għal pubbliku minbarra li tirrikjedi żieda sotanzjali ta’ pulizija. Kompliet biex tgħid li x-xatt Tas-Sliema għandu tul ta’ sitt Kilometri u huwa diffiċli ħafna li grupp żgħir ta’ Pulizija jkopru din id-distanza f’kull post f’kull mument. Hawnhekk il-POU rrimarkat ukoll li r-riżorsi umani tal-Korp huma fl-istat inaċċettabbli li huma u li numru kbir ta’ Pulizija diġà qegħdin jiġu imġegħla jagħmlu overtime sfurzat.

Għal din ir-raġuni, il-proposta tal-POU titlob għal koperazzjoni bejn l-awtoritajiet kollha ikkonċernati b’mod partikolari il-gvern, il-Kunsill, Transport Malta u il-LESA u flimkien jassiguraw li din iż-żona u żoni oħra mal-Pajjiż ikunu koperti b’servizz ta’ CCTV Cameras li jkunu konnessi direttament mal-control room tal-Pulizija.

B’din is-sistema apparti li jassiguraw li ikun hemm l-għajnejn tal-Pulizija fuq iz-żona kollha, tassigura ukoll effiċjenza fil-ħin tar-rispons għax f’każ ta’ inċident il-frontliners tal-Korp ikunu infurmati fil-mument preċiż li jinqala’ inċident u bil-post eżatt.

Skont il-POU, din is-sistema mhux biss toffri iktar sigurtà lil pubbliku ġenerali iżda ħa tippermetti sabiex il-ftit Pulizija li bħalissa fadal fil-kommunitajiet ikomplu iservu il-kommunità kollha u mhux jitfa’ riżorsi iktar milli jifilħu fuq żona partikolari b’detriment għal oħrajn. 

“Din is-soluzzjoni apparti li toffri iktar sigurtà, hi l-aktar waħda ekonomika ukoll u effiċjenti. Din hi sistema eventwalment tista’ tiġi estiża wkoll f’lokalitajiet oħrajn fil-pajjiż”, temmet il-POU. 

Sport