Sunday, December 22, 2024

Il-Prim Ministru b’messaġġ ta’ għaqda nazzjonali

Aqra wkoll

“Il-messaġġ tiegħi lilkom huwa wieħed ta’ għaqda nazzjonali. Fejn hemm il-firda, aħna rridu nibqgħu nkunu l-aġenti tal-għaqda. Fejn hemm min irid jiżra l-mibegħda, aħna rridu nkunu l-aġenti tal-imħabba. Lill-Għawdex u Malta jiena nħobbhom wisq biex inħalli lil xi ħadd jiprova jifridna.”


Qal dan il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela meta kien qed jindirizza attività politika fil-Gżira. Huwa sostna li dan il-pajjiż għandu wisq aktar x’jgħaqqdu milli x’jifirdu.


Dr Abela qal li dan il-Partit li tant inħobbu jibqa’ b’saħħtu sakemm jibqa’ leali lejn il-valuri li jsawruh. Il-ħarsien tal-ħaddiem. Il-ħarsien taż-żgħir. Il-mobilità soċjali. Il-ġustizzja soċjali.

“Imbagħad kull meta kien meħtieġ, dak il-partit inbidel, irriforma biex seta’ jkun f’pożizzjoni li jħares dawk il-valuri li twaqqaf għalihom.”


Il-Prim Ministru tenna li l-għażla tat-8 ta’ Ġunju hi kruċjali għal pajjiżna. Għażla biex ittuni s-saħħa li nista’ nibqa’ mmexxi lil dan il-partit fit-triq tas-sewwa. It-triq li tgħaqqad u mhux it-triq li tifred.”


“L-għażla hi bejnna u bejn partit fl-Oppożizzjoni moħħhom biex jinfexxu fin-negattività u mingħajr l-ebda forma ta’ viżjoni. L-unika manifest tagħhom kien proċess verbal ta’ inkjesta maġisterjali.


“Deher ċar li għalihom l-aktar jum importanti kien dak tal-lum. Għalina l-aktar jum importanti jibqa’ dak tat-8 ta’ Ġunju. Għaliex filwaqt li l-proċessi li għandhom isiru fil-Qrati, iridu jsiru, biex toħroġ il-verità u l-poplu jixraqlu l-verità u l-ġustizzja, imma mbagħad jiena għandi mandat qawwi biex f’isimkom immexxi lil dan il-pajjiż dejjem ‘il quddiem u dak il-mandat se naqdih.”


“Jien niġi hawn b’sens ta’ umiltà nitlobkom tisilfuni l-fiduċja biex jbqa’ jkolli mandat b’saħħtu biex bis-saħħa tiegħu nibqgħu nagħmlu l-ġid. Għax għandna l-umiltà, il-kuraġġ, is-saħħa, nibqgħu nirriformaw,” tenna l-Prim Ministru.


Huwa tenna l-appell biex ma jħallu lil ħadd jisfukahom mis-suġġetti li n-nies ikellmuhom dwarhom ta’ kuljum. Qal li rridu nibqgħu ffokati biex inwettqu l-1,000 proposta li hemm elenkati fil-manifest Malta Flimkien.


L-għażla, kompla jgħid il-Prim Ministru, hi bejn min irid Malta magħquda jew min irid imexxi politika li tagħmel ħsara lil pajjiżna.

Għażla bejn min irid imexxi ‘l quddiem dan il-pajjiż jew min irid jipprova jkun populist akkost ta’ kollox. “Jien nagħżel l-għaqda. Nagħżel li nkun magħkom,” temm jgħid il-Prim Ministru Robert Abela.

Ekonomija

Sport