Il-Prim Ministru Robert Abela, akkumpanjat mill-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi Silvio Schembri inawgura uffiċjalment it-tlestija tal-proġett tal-espansjoni tal-fabbrika ta’ De La Rue f’Malta, investiment sinifikanti li jkompli jsaħħaħ il-pożizzjoni ta’ pajjiżna bħala ċentru ta’ eċċellenza fil-manifattura avvanzata u s-security printing.
Dan il-proġett, li beda fl-2022, jirrappreżenta investiment privat ta’ kważi €60 miljun u se jwassal għal aktar karrieri ta’ kwalità, teknoloġija moderna u taħriġ speċjalizzat għall-ħaddiema Maltin u Għawdxin. L-espansjoni tinkludi investiment f’sistemi viżivi avvanzati u proċessi aktar produttivi.
Fid-diskors tiegħu, il-Prim Ministru qal li De La Rue hija sieħeb strateġiku fil-progress ekonomiku ta’ Malta. Huwa saħaq li l-fatt li investiment bħal dan jibqa’ f’pajjiżna mhuwiex xi ħaġa garantita, iżda frott klima ta’ fiduċja, stabbiltà u politika ekonomika li tappoġġja n-negozji u l-familji.
Dr Abela nnota li, minkejja bidliet importanti fil-grupp De La Rue fuq livell internazzjonali, Malta baqgħet ċentrali fil-pjanijiet futuri ta’ din il-kumpanija.
Huwa qal li dan jikkonferma l-ħiliet tal-ħaddiema tagħna u l-kompetittività li kiseb pajjiżna. Dr Abela żied jgħid li din il-kumpanija “emmnet u bl-iktar mod ċar għadha temmen fil-potenzjal tal-ħaddiema Maltin u Għawdxin. Investiet fit-taħriġ tagħhom u tat opportunitajiet ta’ xogħol ta’ kwalità lil mijiet ta’ familji.”
Il-Prim Ministru rrefera wkoll għal investimenti “li jikkonfermaw il-momentum pożittiv li għandu pajjiżna. Rajna l-espansjoni ta’ STMicroelectronics u t-tħabbira tal-investiment minn Vantive – fis-settur mediku u farmaċewtiku. Dawn huma eżempji ċari ta’ kif Malta qed tkompli tiddiversifika l-ekonomija tagħha u tattira investiment f’setturi ta’ valur miżjud għoli,” tenna jgħid Dr Abela.
Huwa rringrazzja lill-management u lill-ħaddiema ta’ De La Rue, kif ukoll lil Malta Enterprise u INDIS Malta, għall-ħidma tagħhom biex dan il-proġett seta’ jsir realtà.
Il-Ministru Silvio Schembri qal li dan l-investiment ta’ De La Rue huwa riżultat dirett tal-ekonomija b’saħħitha u stabbli li bnejna flimkien matul is-snin, ekonomija li qed tkompli toffri prospetti pożittivi u opportunitajiet ġodda.
“Huwa proprju dan l-ambjent ta’ stabbiltà u ċertezza li jagħti l-kunfidenza lil kumpaniji internazzjonali ta’ dan il-livell biex ikomplu jinvestu, jespandu l-operat tagħhom u joħolqu aktar valur miżjud u impjiegi ta’ kwalità f’Malta. Dan l-investiment fil-fatt ser ikompli joħloq impjiegi ta’ kwalità, isaħħaħ il-kompetittività ta’ pajjiżna u jikkontribwixxi għal tkabbir ekonomiku sostenibbli”, qal il-Ministru Schembri.

