Sunday, November 24, 2024

Il-Prim Ministru ta’ Spanja fetaħ proċeduri kontra Imħallef li qed jinvestiga lil martu

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru ta’ Spanja, Pedro Sánchez, beda proċeduri kontra Imħallef li qed jinvestiga lil martu fuq allegata korruzzjoni u akkużah li qiegħed juża ħażin l-uffiċċju ġudizzjarju tiegħu.

Din l-aħbar ħarġet ftit sigħat biss wara li Sánchez għamel uzu mid-dritt legali tiegħu li ma jixhedx f’każ li jikkonċerna l-attivitajiet kummerċjali ta’ martu, Begoña Gómez. Gómez qed tiġi investigata għal allegata korruzzjoni wara ilment mill-grupp Manos Limpias li għandu rabtiet mal-lemin estrem u li għandu storja twila ta’ kif juża l-qrati biex jilħaq miri politiċi.

Għalkemm il-prosekuturi f’Madrid talbu lill-qorti biex twaqqa’ l-każ minħabba nuqqas ta’ evidenza u rapport mill-pulizija ma sab ebda indikazzjoni ta’ attività kriminali minn Gómez, l-investigazzjoni baqgħet għaddejja.

Minkejja li ddeskriva l-allegazzjonijiet kontra martu bħala bla bażi u motivati politikament, Sánchez offra li jipprovdi evidenza bil-miktub lill-imħallef, Juan Carlos Peinado.

Ma dan kollu Peinado insista li jinterroga lil Sánchez personalment. Minn naħa tiegħu l-Prim Ministru Sanchez eżerċita d-dritt tiegħu li ma jixhedx. Kmieni it-Tlieta wara nofsinhar, il-gvern ħabbar li l-uffiċċju tal-avukat tal-istat kien fetaħ kawża kontra l-Imhallef Peinado fuq il-bażi ta’ allegat abbuż tal-kariga tieghu.

Fiċ-ċentru tal-kawza hemm id-deċiżjoni imsejjħa “inġusta” ta’ Peinado li jinsisti fuq xiehda personali minn naħa tal-Prim Ministru, aktar milli jippermetti lil Sánchez jissottometti evidenza bil-miktub, kif il-liġi tippermetti li jagħmlu uffiċjali ta’ grad għoli. Peinado qal li x-xiehda għandha tingħata personalment għax ried jistaqsi lil Sánchez bħala r-ragel ta’ Begina Gómez, aktar milli bħala l-Prim Ministru ta’ Spanja.

L-avukat tal-istat qed jisħaq li l-kawża ma hix attakk fuq il-poter ġudizzjarju iżda sforz biex jipproteġi l-uffiċċju tal-Prim Ministru minn attakki legali arbitrarji minn dawk li għandhom motivi politici u li jridu joperaw ‘il fuq mill-ligi.

F’April il-Prim Ministru Spanjol kien issospenda lilu nnifsu għal hames t’ijiem minħabba dik li kien sejjaħ bħala kampanja ta’ fastidju u bullying kontra l-mara tiegħu li qed ikun allegat li wzat l-influwenza tagħha bħala l-mara tal-Prim Ministru biex tassigura sponsors għal kors Universitarju ta’ masters li tmexxi hija.

Sport