Saturday, December 21, 2024

IL-PROBLEMA TAT-TRAFFIKU … SOLUZZJONIJIET U MHUX TPAĊPIĊ

Aqra wkoll

Iddur fejn iddur, tipprova kemm tipprova, is-sitwazzjoni tat-traffiku f’pajjiżna hija waħda li qiegħda toffri sfida serja kemm liċ-ċittadini li jużaw mhux biss il-mezz tat-trasport pubbliku , iżda anke dawk li jsuqu l-vettura privata tagħhom u oħrajn li jagħżlu li jimxu.

Dwar din l-isfida li għadha tippersistiu li anke wasslet għal ħolqien ta’ tgergir mill-pubbliku, kulħadd irid jirrikonoxxi li teżisti. Quddiem din l-isfida x’hemm bżonn isir biex s-sitwazzjoni tat-traffiku fit-toroq tagħna titjieb u jiġu mitigati l-problemi relatati.

Imma billi noqogħdu bilqegħda fuq is-sufan u nikkritikaw biss, mhux se nsolvu ebda problema. Għalhekk dawk li jkunu minn ta’ quddiem biex mal-ewwel okażjoni joħorġu jikkritikaw l-volum tat-traffiku, jeħtieġ li minbarra l-paroli, huma wkoll joħorġu b’xi idea jew soluzzjoni.

Nemmnu wkoll li trid tinqata’ r-retorika ta’ ċertu politiċi li minflok jippruvaw jersqu bis-soluzzjonijiet biex ikoll nimxu ‘l quddiem, jispiċċaw f’attakki ta’ propoganda partiġġjana.

Hemm bżonn li nkomplu nimpenjaw ruħna bħala poplu u naħdmu għal iktar sigurtà fit-toroq tagħna. Huwa fatt magħruf li l-Gvern huwa impenjat biex jindirizza s-sitwazzjoni permezz ta’ miżuri adekwati.

Dan diġa’ beda jitwettaq sentejn ilu bl-introduzzjoni ta’ trasport pubbliku bla ħlas għal kulħadd. Iżda biex dan l-għan ikompli jintlaħaq u biex iktar jużaw it-transport, hemm bżonn li jkattar iktar l-effiċjenza, iżomm mal-iskeda tal-ħinijiet u jkun transport nadif, kemm għal pubbliku, kif ukoll fil-ħarsien tal-ambjent.

Irridu nfakkru wkoll li f’dawn l-aħħar sitt snin ġew mibnija mill-ġdid aktar minn 1,300 triq bi spiża ta’ €634.2 miljuni. Bl-intenzjoni li l-volum tat-traffik jimxi aħjar. Insemmu wkoll li mal-ftuħ tas-sena skolastika, ftit tal-ġimgħat ilu, il-Gvern ħa passi biex jiżdiedu l-għadd ta’ ħaddiema ta’ entitajiet, fosthom minn Transport Malta u l-LESA, biex jiggwidaw u jiffaċilitaw it-traffiku, l-iktar f’inħawi li normalment ikun hemm konġestjoni fihom.

Dan ukoll juri kemm il-Gvern qed jieħu bis-serjeta l-problema tat-traffiku, sfida li mhijiex faċli jew li tista’ tkun solvuta malajr.

Ekonomija

Sport