Tuesday, April 30, 2024

“Il-programm li għandna huwa strutturat, jaħseb f’kulħadd u jħares lil hinn minn leġiżlatura waħda”

Maria Azzopardi
Maria Azzopardi
Ġurnalista

Aqra wkoll

Waqt li indirizza l-Konferenza Ġenerali minn ġewwa d-Dar il-Mediterran għall-Konferenzi, id-Deputat Mexxej tal-PL Daniel Micallef qal: “Il-programm li għandna huwa strutturat, jaħseb f’kulħadd u jħares lil hinn minn leġiżlatura waħda. Programm li jġedded il-viżjoni tagħna għal dan il-pajjiż. Manifest li jekk tgħaqqad il-proċess kollu jkun ifisser aktar minn sena u nofs xogħol. Inutli toqgħod iddoqq ħafna trombi. Li jgħodd huwa li meta jasal il-mument tal-prova, ix-xogħol jitkellem għalik u mhux bil-maqlub kif ġralu ħaddieħor.”

Żied jgħid li telqu mill-proċess tal-100 idea. “Aħna nilqgħu l-ideat ta’ kulħadd,” qal Micallef, “Għal min jiftakar f’Settembru li għadda kont semmejt li l-100 ideat setgħu kienu 1,000 proposta. Kien hemm min ħaseb li qed nesaġera. Fil-verità l-abbozza tal-manifest kien lest u kont naf x’qed ngħid u l-1,000 proposta qegħdin hawn biex jekk il-poplu jagħtina l-fiduċja jsiru l-programm tal-gvern għall-ħames snin li ġejjin. Manifest imqassam fuq 20 kapitlu, wieħed jibni fuq l-ieħor. Li jgħaqqadhom huwa l-kwalità tal-ħajja, il-kontinwità fuq il-ħafna tajjeb li għamilna. Ara ma nħallux lil min jipprova jikteb l-istorja tagħna.”

Tkellem dwar diversi proposti fosthom dik ta’ Skema 9 – skema li ġiet introdotta madwar 5-6 snin ilu u tgħin tfal vulnerabbli billi tipprovdilhom għażla bejn minn diversi għajnuniet fil-bidu tas-sena skolastika.

Qal ukoll li wara l-ftuħ taċ-ċentru tal-Ibwar, se jiftħu secure care facility li se toffri servizzi ta’ rijabilitazzjoni għal adoloxxenti bi problemi serji ta’ imġieba. “Għalina kull tifel u tifla għandhom valur u rridu nagħtu l-ewwel u jekk hemm bżonn il-100 ċans biex it-tfal tagħna jkollhom l-opportunitajiet kollha.”

Semma wkoll li qed jintrabtu li jsir investiment qawwi biex jiġi żviluppat materjal awdjoviżiv tal-għola kwalità bil-lingwa Maltija li jistimola l-qari u t-tagħlim tal-ilsien Malti.

Dan apparti li se jkunu qed iwaqqfu ċentru tal-letteratura u rakkuntar tal-istejjer. 

Sport