Wednesday, January 29, 2025

Il-pulizija Bulgari akkużati li mblukkaw is-salvataġġ ta’ tliet migranti li ffriżaw għall-mewt

Aqra wkoll

Rapport minn gruppi tad-drittijiet tal-bniedem jakkuża lill-awtoritajiet Bulgari li injoraw sejħiet ta’ emerġenza u ostakolaw l-isforzi biex jiġu salvati tliet żgħażagħ subien Eġizzjani, li aktar tard mietu ffriżati f’temperaturi taħt iż-żero qrib il-fruntiera bejn il-Bulgarija u t-Turkija lejn l-aħħar ta’ Diċembru.

Dossier ta’ evidenza miġbura minn żewġ organizzazzjonijiet umanitarji fih ritratti, xhieda u ġeolokalizzazzjonijiet li allegatament juru n-nuqqas tal-pulizija tal-fruntiera Bulgara li jsalvaw lis-subien, li talbu għall-għajnuna hekk kif kienu qed jitħabtu kontra l-kesħa waqt li kienu mitlufa fil-foresti ta’ Burgas, fix-Xlokk tal-Bulgarija

L-organizzazzjonijiet, No Name Kitchen (NNK) u Collettivo Rotte Balcaniche (CRB), jgħidu li r-rapport tagħhom, Frozen Lives, jiżvela stampa akbar ta’ brutalità kontra l-migranti fil-fruntieri tal-Ewropa.

Il-fruntiera tal-Bulgarija mat-Turkija hija punt ta’ qsim frekwenti għal nies li jittamaw li jingħataw l-ażil fl-Ewropa iżda kien hemm abbużi dokumentati sew tad-drittijiet tal-bniedem f’dawn l-aħħar snin, inklużi allegazzjonijiet ta’ spinta illegali ta’ persuni li jfittxu l-ażil lejn it-Turkija. 

NNK u CRB jgħidu li ġew avżati għall-ewwel darba filgħodu tas-27 ta’ Diċembru 2024 li kienu saru sejħiet lil hotline ta’ emerġenza mwaqqfa minn grupp ta’ organizzazzjonijiet tal-karità. It-telefonati rreferew għal tliet adoloxxenti “f’riskju immedjat ta’ mewt” u bagħtu messaġġi bil-GPS għall-għajnuna.

L-attivisti għamlu diversi sejħiet lin-numru uffiċjali tal-emerġenza 112 u ppruvaw jilħqu lis-subien huma stess.

Il-pulizija tal-fruntiera Bulgara iżda, allegatament fixklu t-tentattivi ta’ salvataġġ mill-organizzazzjonijiet minkejja li ntwera filmat ta’ wieħed mis-subien fil-borra.

Is-subien, aktar tard identifikati bħala Ahmed Samra ta’ 17, Ahmed Elawdan ta’ 16, u Seifalla Elbeltagy ta’ 15-il sena, li lkoll instabu mejta b’Ahmed Samra li ħdejħ kellu “marki tas-saqajn tal-klieb u stampi ta’ stivali madwar ġismu”, li r-rapport jgħid li “jindika li l-pulizija tal-fruntiera kienu diġà sabuh aktarx għadu ħaj iżda għażlu li jħalluh hemm fil-kesħa”.

Attivisti li rritornaw fuq il-post aktar tard qalu li sabu li t-traċċi kollha tal-marki kienu tħassru. Wieħed mill-iġsma tas-subien ġie skopert li kien parzjalment ittiekel minn annimal.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport