Il-Pulizija wara sigħat ta’ investigazzjonijiet waslu għall-arrest ta’ Kroat ta’ 35 sena residenti San Pawl il-Baħar, li fl-aħħar ġimgħat – bejn Settembru u dan ix-xahar – allegatament seraq oġġetti u flus kontanti minn diversi vetturi f’San Pawl il-Baħar u l-Qawra.
Ilbieraħ, għall-ħabta tas-1.00pm persuna daħlet tirrapporta fl-Għassa tal-Qawra li ra fil-fatt raġel jipprova jisraqlu l-affarijiet mill-vettura, iżda din il-persuna ħarbet minn fuq il-post.
B’din l-informazzjoni f’idejha, il-Pulizija bdew ronda fl-akwati biex isibu l-persuna kkonċernata skont id-deskrizzjoni li ngħatat. Ftit ħin biss wara, il-pulizija raw lill-persuna kkonċernata, li malli nduna bil-preżenza tal-uffiċjali, ħarab jiġri minn fuq il-post u daħal fi blokka ta’ appartamenti.
Bil-ħsieb li jaħrab, huwa qabeż madwar sular u nofs fi ġnien ta’ residenza privata u wara qabeż ċint ieħor madwar sular għoli. Il-pulizija komplew jiġru wara l-allegat ħalliel, kemm bil-pass u kif ukoll bil-vetturi, sakemm instab u ġie arrestat f’kumpless ta’ garaxxijiet.
Tfittxija fir-residenza tiegħu wasslet għas-sejba ta’ numru ta’ oġġetti li kienu ġew irrappurtati misruqa f’dawn l-aħħar xhur.
Ir-raġel qiegħed jinżamm fil-lockup tal-Pulizija, il-Floriana u mistenni jitressaq b’arrest il- Qorti fil-jiem li ġejjin. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.