Sunday, December 22, 2024

Il-Qorti tikkonferma sentenza ta’ 40 sena ħabs għad-Daniż li ammetta l-involviment tiegħu fil-qtil doppju f’Tas-Sliema

Aqra wkoll

Il-Qorti kkonfermat s-sentenza ta’ 40 sena priġunerija fil-konfront ta’ Jesper Kristiansen, id-Daniż ta’ 40 sena ammetta l-involviment tiegħu fil-qtil doppju tal-koppja Chris Pandolfino u Ivor Maciejowski f’Tas-Sliema 4 snin ilu.

L-omiċidju seħħ f’Awwissu tal-2020, meta Pandolfino, ta’ 50 sena u Maciejowski ta’ 30 sena, nstabu maqtula fir-residenza tagħhom f’Tas-Sliema.

Fil-bidu ta’ Frar, ta’ din is-sena, id-Difiża mmexxija mill-Avukat Stefano Filletti li deher għall-akkużat flimkien mal-Avukat Roberto Montalto infurmaw lill-Imħallef Natasha Galea Sciberras li Kristiansen kien se jammetti għal dan il-qtil u li kien hemm ftehim mal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali dwar piena ta’ 40 sena.

Dwar dan il-qtil għaddejjin proċeduri kriminali fil-konfront ta’ żewġ persuni oħra, Viktor Dragomanski mill-Maċedonja ta’ Fuq u Daniek Muka li huwa Albaniż. It-tnejn li huma għad iridu jgħaddu ġuri dwar dan il-qtil.

Minbarra l-40 sena ħabs, Jesper ġie kkundannat ukoll iħallas mal-€21,000 fi spejjeż tal-Qorti u li ma jżommx arma tan-nar għall-perjodu ta’ ħames snin wara li jiskonta l-piena ta’ ħabs.

Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukat Kevin Valletta mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali filwaqt li l-Avukati Stefano Filletti u Roberto Montalto qed jidhru għal Kristiansen. L-Avukati Joe Giglio u Michela Giglio qed jidhru għall-qraba taż-żewġ vittmi.

Ekonomija

Sport