Saturday, May 18, 2024

L-Awstalja bi pjan biex issaħħaħ il-qawwa navali tagħha

Aqra wkoll

L-istabbiltà politika fid-dinja qalgħet daqqa ta’ ħarta l-ewwel bl-invażjoni Russa li eskalat għal gwerra fil-kontinent tagħna u aktar riċenti faqqa’ l-konflitt fil-Lvant Nofsani b’Iżrael jirritalja militarment għal attakk li sar mill-Hamas fuq nies ċivili lejn tmiem is-sena l-oħra.

Iż-żewġ gwerer għadhom għaddejjin u dan ma jawgurax tajjeb għall-paċi fid-dinja. Iżda, it-tensjonijiet politiċi mhumiex limitati għal dawn iż-żewġ gwerer biss. L-Awstralja għadha kemm ħabbret żieda qawwija fil-flotta navali tagħha u dan, skont analisti, minħabba tensjoni li dan il-kontinent għandu maċ-Ċina.

Il-pjanijiet tal-Awstralja tħabbru lbieraħ fejn huwa rrapportat li din se sssaħħaħ u tkabbar il-flotta navali tagħha bl-akbar ammont li qatt kellha minn żmien it-Tieni Gwerra Dinjija. Fil-fatt,  fl-għaxar snin li ġejjin dan il-kontinent se jalloka xejn inqas minn €32.5 biljun ($35 biljun) f’dan il-proġett ta’ difiża.

“L-Awstralja mhiex armata biżżejjed għas-sitwazzjoni strateġika preżenti”

Minn stqarrija maħruġa mill-Gvern Awstraljan il-Qawwa Navali Awstraljana se żżid il-flotta tal-vapuri tal-gwerra tagħha għal 26 wieħed. Dan wara li studju indipendenti mmexxi minn ammiral Amerikan irtirat sab li l-Awstralja mhiex armata biżżejjed għas-“sitwazzjoni strateġika preżenti”.

Min-naħa tiegħu l-Viċi Ammirall tal-Qawwa Navali Awstraljana, Mark Hammond, qal li, “Awstralja b’saħħitha tiddependi fuq qawwa navali b’saħħitha, waħda li tkun mgħammra biex iżżomm u tmexxi diplomazija fir-reġjun, li tbiegħed kull tip ta’ avversarji u li tiddefendi l-interessi nazzjonali meta jkun hemm bżonn”. Hawn huwa spjega li b’dan il-pass il-qawwa navali tagħhom se jkollha flotta kbira u b’saħħitha biżżejjed biex tilqa’ għall-isfidi strateġiċi dejjem jinbidlu fir-reġjun.

Vapuri li kapaċi jaħdmu “waħidhom”

Dan il-pjan jinkludi 20 destroyers u fregatini, kif ukoll sitt Large Optional Crew Surface Vessels (LOSVs). Dawn tal-aħħar huma vapuri li kapaċi joperaw kemm bil-baħrin fuqhom kif ukoll b’mod indipendenti bħala drones. L-LOSVs se jkunu parti mill-flotta ta’ sottomarini Awstraljani b’kapaċitajiet nukleari li se jinbnew taħt il-ftehim AUKUS li sar mal-Istati Uniti u r-Renju Unit. L-ewwel tlieta huma mistennija li jkunu lesti biex jintbagħtu mil-2030 ‘il quddiem.

L-analisti min-naħa tagħhom qegħdin jagħtu ħarsa lejn is-sigurtà fir-reġjun fejn iċ-Ċina, meqjusa bħala rivali tal-Awstralja, bniet l-akbar qawwa navali fid-dinja u qiegħda tqajjem tħassib dwar kwistjonijiet territorjali tant li l-Awstralja kellha tieħu azzjoni. 

L-istess analisti qegħdin jissuspettaw theddida miċ-Ċina kawża anke ta’ agressjoni li għamel dan il-pajjiż kemm fil-baħar tan-Nofsinhar taċ-Ċina kif ukoll fil-Grigal tal-Ażja.

Sport