Thursday, January 16, 2025

Il-Qorti tordna investigazzjoni dwar leakage ta’ inkjesta lil Robert Aquilina

Aqra wkoll

Waqt li ċaħdet it-talbiet tal-għaqda Repubblika, il-Qorti ordnat li tinbeda investigazzjoni biex jiġi misjub min għadda rapport ta’ inkjesta lil terzi persuni partikolarment lin-Nutar Robert Aquilina, li dak iż-żmien kien President tal-istess għaqda. Il-Qorti ddikjarat ukoll li mix-xhieda ta’ Aquilina stess, huwa kemm-il darba stqarr li l-inkjesta ġiet murija lilu fl-istat oriġinali tagħha meta ma kellux awtorizzazzjoni legali għaliha fi żmien li nkixfet.

L-għaqda Repubblika, permezz ta’ Aquilina, kienet ressqet rikors fil-Qorti kontra l-Kummissarju tal-Pulizija għaliex skontha dan ma kienx ressaq persuni li kienu jaħdmu fil-bank Pilatus wara inkjesta b’rabta ma’ allegat ħasil ta’ flus.

Madanakollu, il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Nadine Sant Lia, ma qablitx ma’ dak li qalet l-għaqda Repubblika u saħqet li l-Pulizija dejjem segwiet l-ordnijiet mogħtija lilha mill-Qorti inkwerenti kif ukoll l-Avukat Ġenerali fl-istruzzjonijiet li rċevew mingħandhom.

Il-Qorti rat il-provi li tressqu quddiemha li kienu jikkonsistu prinċipalment fix-xhieda li ngħatat kemm-il darba min-Nutar Robert Aquilina u membri tal-Korp tal-Pulizija li xehdu dwar l-involviment tagħhom fl-investigazzjoni jew inkjesta jew inkella fil-ħruġ tal-mandati ta’ arrest tas-suspettati. 

Intqal li fix-xhieda tiegħu, in-Nutar Aquilina jagħmel ħafna referenzi għal sorsi u terzi li huma uffiċjali pubbliċi li qed jikxfulu informazzjoni interna dwar l-inkjesta. Flimkien ma’ din ix-xhieda ġew ippreżentati diversi dokumenti varji li x-xhud jgħid li huma riproduzzjoni tal-inkjesta oriġinali jew inkella informazzjoni li għaddewhielu bil-moħbi uffiċjali pubbliċi.

Madanakollu, kompliet tgħid il-Qorti, irriżulta ħafna spekalazzjoni u hearsay għax il-maġġor parti tax-xhieda tiegħu kienet imsejsa fuq x’qalulu diversi uffiċjali mingħajr ma jindika la min huma jew f’liema kuntest u kapaċità kienu qed jgħaddulu din l-informazzjoni u jekk vera huma min huma. 

Ix-xhud jistrieħ ħafna fuq il-fatt li għax huwa nutar jista’ jagħmel dikjarazzjoni solenni li dak li qalulu huwa minnu. Jirriżulta però li dawn id-dikjarazzjoni solenni kien qed jagħmilhom fuq lilu nnifsu u mhux minn persuna indipendenti. 

Minħabba l-mod vag ta’ kif kien qed jagħmel id-dikjarazzjonijiet tiegħu, il-Qorti ġiet nieqsa minn provi ċari u diretti li huma inekwivoki. Minkejja li x-xhud kien assistit minn avukat tal-fiduċja tiegħu, xorta baqa’ jippreżenta “fatti” msejsa fuq dak li sema’ jjew minn media jew minn “sorsi” li bl-akbar rispett mhumiex taħt ebda kontroll u li jistgħu jiġu soġġetti għal interpretazzjoni selettiva. 

Il-Qorti ddeskriviet bħala xokkanti l-fatt li x-xhud jgħid li huwa ra l-inkjesta fil-forma oriġinali tagħha. “Dan ifisser li kemm-il darba ma ġiex mistieden jew ingħata aċċess ġewwa l-edifiċju tal-Awtorità kompetenti fejn kienet qed tiġi miżmuma uffiċjalment, dan ifisser li uffiċjali li kellu aċċess għal inkjesta oriġinali kien qed joħroġ din l-inkjesta minn dan l-ediiċju u jesponiha f’sitwazzjonijiet privati!”, qalet il-Qorti. 

Tgħid li dan serva unikament biss sabiex fl-aħħar mill-aħħar ippreġudika l-integrità sħiħa ta’ din l-inkjesta, espona kull persuna li ħadem fuqha f’dawl ikrah u żvela informazzjoni li setgħet tasal għand is-suspettati qabel iż-żmien. 

Quddiem dan kollu, il-Qorti ordnat li tinbeda investigazzjoni dwar kif u minn min din l-inkjesta ngħatat lil terzi u partikolarment lin-Nutar Robert Aquilina. Investigazzjoni li għandha tkun mill-aktar wiesgħa li tista’ tkun meta kkunsidrat is-severità u s-sensittività tad-dokument u sabiex jittieħdu l-passi meħtieġa u neċessarji. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport