Il-Komunità Parrokkjali ta’ San Sebastjan Martri f’Ħal Qormi tinsab bi ħġarha tistenna l-mument tant mistenni tar-ritorn tal-istatwa titulari ta’ San Sebastjan Martri fil-Knisja Arċipretali, wara xhur ta’ restawr metikoluż.
Wara l-Festa Liturġika ta’ San Sebastjan li ġiet iċċelebrata f’Jannar li għadda, l-istatwa titulari flimkien mal-pedestall tagħha ttieħdu għand l-induratur Horace Farrugia, sabiex isirilhom intervent ta’ konservazzjoni u restawr. F’dan il-proġett ta’ importanza artistika u patrimonjali ta wkoll is-sehem tiegħu l-artist Michael Camilleri Cauchi, filwaqt li matul dan il-perjodu saru wkoll xogħlijiet ta’ manutenzjoni u restawr fuq in-niċċa tal-istatwa grazzi għall-ħidma volontarja ta’ membri tal-komunità.
L-istatwa titulari ta’ San Sebastjan Martri hija kapulavur tal-iskultur Ġorġ Borg, li skolpiha fl-injam b’sengħa mill-ifjen. Il-ħidma artistika tiegħu tibqa’ waħda mill-akbar teżori artistiċi u devozzjonali tal-Parroċċa u tal-poplu Qormi kollu.
Ir-ritorn tal-vara titulari se jsir il-Ħamis 9 ta’ Lulju 2026, permezz ta’ programm speċjali li se jgħaqqad flimkien il-komunità parrokkjali f’lejla storika.
Il-programm jibda fis-7:30 p.m., meta l-istatwa titulari ta’ San Sebastjan Martri tasal fi Triq Ġorġ Borg, proprju fit-triq imsemmija għall-artist li skolpa din il-vara prestiġjuża. Hemm se ssir iċ-ċerimonja tal-inawgurazzjoni uffiċjali tar-restawr, u minnufih wara tibda l-purċissjoni li tgħaddi minn Triq il-Kbira, Triq San Bastjan u Triq il-Vitorja, qabel tasal fil-Knisja Arċipretali.
Mal-wasla tal-istatwa, L-Għaqda tan-Nar San Sebastjan Martri se ssellem dan il-mument b’ħruq ta’ salut, filwaqt li s-Soċjetà Filarmonika Pinto Banda San Sebastjan takkumpanja l-purċissjoni b’innijiet u marċi proċessjonali.
F’din l-okkażjoni speċjali se jieħdu sehem ukoll xejn inqas minn 80 reffiegħ, flimkien mal-membri tas-Sodalità ta’ San Sebastjan u l-għaqdiet tal-festa, li se jagħtu sehemhom biex dan il-mument jibqa’ mnaqqax fil-memorja tal-komunità.
Għall-ħabta tad-9:15 p.m., il-vara titulari tidħol fil-Knisja Arċipretali, fejn tintlaqa’ bil-kant solenni tal-Antifona u tingħata l-Barka Sagramentali bis-sehem tal-Kor Parrokkjali In Domino Speravi.









