“Rajt il-biċċiet tal-ġisem itiru fid-direzzjoni tiegħi” – Xhud jirrakkonta l-mumenti tal-isplużjoni quddiem il-ġurija

0
1

Filwaqt li xhud ddeskriva l-aħħar sekondi qabel il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, il-ġurija semgħet ukoll xhieda minn esperti forensiċi u residenti li nnutaw vetturi suspettużi fil-ġimgħat ta’ qabel l-attentat.

Il-ġurija fil-ġuri ta’ Yorgen Fenech illum semgħet wieħed mill-aktar rakkonti drammatiċi sa issa, hekk kif xhud
ddeskriva l-mumenti li għex ftit sekondi qabel u wara l-isplużjoni li qatlet lill-ġurnalista Daphne Caruana Galizia fis-16 ta’ Ottubru 2017.

Ix-xhud qal li għall-ħabta tat-3.00pm kien qed isuq lejn Bidnija meta lemaħ karozza ġejja fid-direzzjoni opposta. Skontu, ix-xufiera dehret fi stat ta’ paniku tant li waqfet bil-vettura, u hu wkoll waqaf biex jara x’kien qed jiġri.

Huwa rrakkonta li lemaħ l-ewwel spark u sema’ lill-vittma twerżaq, qabel ma seħħet l-ewwel splużjoni.”Naħseb indunat li kien hemm xi ħaġa ħażina,”qal, filwaqt li żied li ra “l-biċċiet tal-ġisem itiru fid-direzzjoni tiegħi.”

Ix-xhud stma li bejn l-ewwel u t-tieni splużjoni għaddew madwar ħames sekondi. Wara t-tieni splużjoni, qal li ra l-vettura tittajjar għal ġo għalqa. Huwa rrakkonta wkoll li mara li kienet għadha kif ġabret lil bintha mill-iskola waqfet taħseb li kien seħħ inċident tat-traffiku, iżda hu qalilha biex iċċempel immedjatament lill-Pulizija. Aktar tard, meta resaq lejn Matthew Caruana Galizia, staqsieh jekk kienx jaf lill-vittma u rċieva t-tweġiba li kienet ommu.

Qabel din ix-xhieda, il-Qorti semgħet lill-espert Olandiż Van der Meer, li analizza d-data estratta mill-mobile ta’ Daphne Caruana Galizia. Huwa qal li mill-analiżi tal-komunikazzjonijiet irriżulta li, meta nqatlet, il-ġurnalista kienet qed taħdem fuq seba’ xenarji investigattivi differenti.

L-espert spjega li r-rwol tiegħu kien limitat għall-analiżi forensika tad-data u mhux biex jidentifika suspettati. Fil-kontro-eżami, ikkonferma wkoll li Yorgen Fenech ma kienx jissemma f’xi wieħed mix-xenarji li huwa analizza, filwaqt li l-eks ministru Chris Cardona kien jissemma f’rapport b’rabta ma’ investigazzjonijiet oħra li kienet qed issegwi Caruana Galizia.

Aktar kmieni fis-seduta, tliet esperti mill-Netherlands Forensic Institute xehdu permezz ta’ video call dwar ir-rapporti forensiċi marbuta max-xena tal-isplużjoni. Huma kkonfermaw l-analiżi li saret fuq diversi provi, fosthom il-mobile ta’ Daphne Caruana Galizia, li ġie eżaminat fl-Olanda qabel intbagħat lura lill-Pulizija Maltija.

Il-ġurija semgħet ukoll ix-xhieda ta’ żewġ residenti ta’ Bidnija li qalu li fil-ġimgħat ta’ qabel il-qtil kienu nnutaw vetturi li qajmulhom suspett fiż-żona.

Wallace Sammut qal li kien lemaħ karozza bajda tal-kiri u Peugeot ta’ lewn fidda pparkjati diversi drabi qrib il-post fejn seħħ il-qtil. Huwa rrakkonta wkoll li darba lemaħ raġel bilqiegħda fil-karozza bajda, li ddeskrivieh bħala persuna pulita ħafna u li kienet qed tħares dritt ‘il quddiem.

Min-naħa tagħha, Maria Sammut Grech qalet li kienet ilha tinnota karozza bajda pparkjata qrib ir-residenza tagħha diversi drabi fil-ġimgħat ta’ qabel il-qtil. Hija żiedet li filgħodu u wara nofsinhar tal-16 ta’ Ottubru 2017 il-vettura kienet għadha fl-istess post, iżda qatt ma rat lil ħadd ġewwa fiha.

L-aħħar xhud qabel il-pawża tal-ikel kien l-eks Supretendent James Grech, li rrakkonta l-ewwel passi tal-investigazzjoni. Huwa qal li wara li wasal fuq ix-xena ngħata struzzjonijiet biex jiġbor iċ-ċavetta tal-vettura ta’ Daphne Caruana Galizia mingħand il-kumpanija tal-kiri Percius Car Hire, u wara għaddiha lill-investigatur Keith Arnaud.

Il-proċeduri issa waqfu għall-pawża tal-ikel u mistennija jkomplu fit-3.00pm.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here