B’reazzjoni għall-influwenza li Elon Musk, sid il-kumpanija Tesla, irnexxielu jeżerċita fuq l-amministrazzjoni ta’ Donald Trump, wasslet biex għadd ta’ stabbilimenti tal-karozzi elettriċi Tesla madwar l-Istati Uniti kienu fil-mira ta’ mewġa ta’ protesti, attakki ta’ vandaliżmu u ħruq.
L-Avukat Ġenerali tal-Istati Uniti Pam Bondi qalet nhar il-Ħamis li tliet persuni akkużati b’vandaliżmu tal-kumpanija tal-vetturi elettriċi Tesla ta’ Elon Musk jistgħu jeħlu sa 20 sena ħabs. Bondi qalet li l-ħsara lill-karozzi , bejjiegħa u stazzjonijiet tal-iċċarġjar tal-karozzi Tesla jikkostitwixxi “terroriżmu domestiku”. Donald Trump u Elon Musk ukoll sejħu l-attakki bħala terroriżmu domestiku.
Minkejja li m’hemm l-ebda liġi speċifika fl-Istati Uniti kontra t-terroriżmu domestiku, il-prosekuturi iżda jistgħu jitolbu sentenzi twal ta’ ħabs jekk il-kriminali misjuba ħatja jkollhom motiv relatat mat-terroriżmu.
Stqarrija mid-Dipartiment tal-Ġstizzja nhar il-Ħamis ma semmietx is-suspettati fil-vandaliżmu ta’ Tesla. Madankollu, id-dettalji tat-tliet każijiet deskritti fl-istqarrija tal-aħbarijiet jaqblu mal-arresti u l-akkużi mħabbra mill-prosekuturi.
Is-suspettati jinkludu lil Lucy Nelson, ta’ 42 sena, li ġiet akkużata bil-pussess ta’ apparat distruttiv u b’qerda malizzjuża ta’ proprjetà wara li ntlemħet ħdejn is-sit ta’ konċessjoni tat-Tesla f’Colorado.
Il-konċessjoni kienet immirata b’attakk ta’ bombi Molotov u graffiti li kkawżaw ħsarat ta’ bejn $5,000 u $20,000, skont l-akkużi kriminali. Hija wieġbet mhux ħatja.