Saturday, May 4, 2024

“Il-virus minnu nnifsu mhux intelliġenti u jekk ma niftħulux il-bieb mhux se jidħol”

Aqra wkoll

Dr Chris Barbara – virologu ewlieni f’Malta li taħt il-gwida tiegħu jaqgħu l-laboratorji kollha tal-isptar Mater Dei

Minn Christian Muscat

“Il-virus minnu nnifsu mhux intelliġenti u jekk ma niftħulux il-bieb mhux se jidħol. Iżda meta aħna ma nieħdux il-prekawzjonijiet kollha meħtieġa u ma nobdux mad-direttivi, inkunu qed niftħulu l-bieb sabiex jagħmel li jrid. Mela ejja nkunu prudenti u nibqgħu d-dar sabiex nevitaw it-tixrid tal-Coronavirus. Fiduċjuż li jekk kulħadd jagħmel il-parti tiegħu, noħorġu minn din is-sitwazzjoni.”

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-mediċina?

Nista’ ngħid li minn dejjem kelli ħajra lejn il-mediċina. Kont nieħu gost ngħin lil dawk in-nies inqas ixxurtjati minnha u anke kont niggosta lil dawk in-nies li jindokraw lill-anzjani tagħna u lil persuni b’diżabilità. 

Ommi riedet li jien nilħaq perit iżda jien qatt m’urejt interess lejn din il-linja. Kien għalhekk li bdejt il-kors ta’ mediċina fejn l-ewwel ilħaqt bħala tabib u aktar m’għadd iż-żmien xtaqt nispeċjalizza f’affarijiet oħra fosthom kif jiġu l-infezzjonijiet u l-viruses. Studjajt, sifirt barra minn Malta biex l-ispeċjalizazzjoni tiegħi tkun sħiħa u sirt l-ewwel tabib Malti li ffukajt f’dan il-qasam. F’dawn l-aħħar snin studjajt fuq diversi mard infettiv fosthom l-Ebola, it-Toskana u issa l-Coronavirus.

Jiġifieri ċerti virus bħal HIV u AIDS jaqgħu taħt il-kura tiegħek?

Iva fil-fatt jien qed nieħu ħsieb il-laboratorji tal-Isptar Matei Dei fejn fost l-oħrajn għandi l-viroloġija kif ukoll il-batteroloġija. Ovvjament hemm iktar laboratorji b’iktar ismijiet tekniċi li kollha għandhom qasam partikolari. Issa ili 12-il sena f’dan ix-xogħol u ninsab għal qalbi ħafna. 

Ovvjament hemm ċerta responsabbilta’ involuta hux hekk?

Iva dik dejjem. Jien ix-xogħol ma jbeżżagħnix għax nagħmlu bil-qalb u b’hekk joħroġ ħafna ġid minnu. Jien mhux qiegħed waħdi u miegħi għandi tim ta’ 400 ruħ li ħafna minnhom huma xjentisti li jinvestigaw ċerti mikrobi u kif jistgħu jiġu eliminati. Għandna jaslu kampjuni tad-demm sabiex neżaminawhom u naraw sew ċerti infezzjonijiet li jkun hawn sabiex nikkurawhom kemm jista’ jkun malajr. 

Bħala tim naħdmu wkoll mal-kirurgi u t-tobba tal-familja li min-naħa tagħhom jagħtuna l-informazzjoni neċessarja. 

Illum qed nikkumbattu dan il-virus il-ġdid u li hu ferm infettiv tant li l-Organizazzjoni Dinjija tas-saħħa sejħitu bħala pandemija. 

Iżda fil-verità kif oriġina dan il-virus misħut?

Dan il-virus hu parti minn familja li jinkludi wkoll oħrajn bħal SARS Co-Virus, Middle East MERS u oħrajn. Hawnhekk sempliċement jaqilbu l-ispeċi. Per eżempju l-MERS jgħidu li ġej mill-ġemel filwaqt li l-COVID-19 jista’ jkun li ġie mill-farfett il-lejl jew is-serp. Biex inkun preċiż għandu l-ġenetika li tkun rilevanti għal dak l-annimal għalkemm dan l-istess virus kapaċi jkollu żball fir-replika u bħalma ġara dan adatta wkoll għall-bniedem u qed jagħmel ħsara kbira. 

Int għandek żewġ tipi ta’ ġenetika li huma d-DNA u r-RNA. Dan il-virus ħoloq speċi ta’ nutrizzjoni li jista’ jidħol fiċ-ċellula tal-bniedem u li jeffettwa l-aktar il-pulmun. 

Ovvjament aħna spjegajna lill-pubbliku fuq ċerti affarijiet li jista’ jiffaċilita lill-istess virus li jidħol ġoċ-ċelluli tal-bniedem. Jekk itir il-bżieq jew bniedem jagħtas, il-qtar ikun fihom eluf minn dan il-virus u jidħlu direttament ġol-pulmun. Fi 80% tan-nies affettwati ma jkollokx bżonn sptar iżda hemm madwar 17% li jridu jiġu rikoverati filwaqt li hemm dawk il-5% li jistgħu saħansitra jispiċċaw fit-taqsima tal-kura intensiva. 

Naturalment nies li jkollhom kumplikazzjonijiet għandhom ir-riskju li taqbadhom pneumonia u hemm il-konsegwenzi jafu jkunu serji. 

Fil-fatt kellna pazjent ta’ 61 sena li jinsab fit-taqsima tal-kura intensiva b’din l-istess kundizzjoni hux hekk?

Iva b’xorti tajba s’issa kellna biss każ wieħed. Nafu li l-Italja għandha numri kbar u aħna qed nilqgħu sabiex ma jkunx hemm żieda kbira fin-numru ta’ każijiet serji. 

Għaliex għażilt il-qasam tal-viroloġija?

Biex ngħidlek il-verita’ kont inħobb nara kif tiżviluppa l-batterji. Fl-istess ħin it-tabib tant magħruf Pawlu Cuschieri kien iħobb jistudja l-mikrobi u impressjonajt ruħi bid-dettall li kien jidħol fihom. Kif għedtlek aktar qabel, mort l-Ingilterra sabiex nispeċjalizza ruħi fiha. Nista’ ngħidlek li dan is-suġġett hu wieħed affaxxinanti ferm. 

Hemm ukoll l-istudju tal-patoloġija hux hekk?

Dan hu l-istudju ta’ kif jiġi l-mard u kif jista’ jiġi kkontrollat. Dan fih ħafna fergħat u jsiru eluf ta’ testijiet bħal dawk tal-kolesterol, tad-demm, tat-tossikoloġija, il-ġenetika u tal-kanċer. Inqisu wkoll li naraw xi mard infettiv sabiex naraw li nistgħu nikkontrollawh. Kif qed ngħidu hemm ħafna affarijiet għaddejjin f’dan l-istudju tal-patoloġija. 

Kif għedna l-Coronavirus hu mejjet iżda kif jidħol fil-ġisem isir ħaj. Kif inhi din il-biċċa tax-xogħol?

Meta l-Coronavirus isib proteina li f’dan il-każ hu l-ġisem tal-bniedem, kapaċi joħloq kolp ta’ stat fuq iċ-ċelloli u jirreplika, jifqagħhom u kapaċi jimirdu jew joqtlu bniedem.

Għalhekk hemm sitwazzjoni fejn min jisgħol, jagħtas u joħroġ il-bżieq għandu ċ-ċans li jxerred il-virus. Għalhekk importanti li noqogħdu metru ‘l bogħod sabiex ħadd ma jittieħed minnu. 

X’inhuma l-prekawzjonijiet oħra li nistgħu nieħdu f’dan ir-rigward?

Ovvjament għandna nibqgħu ġewwa sabiex ma nkunux esposti għar-riskji u fuq kollox ma mmissux wiċċna, imneħirna u għajnejna għax inkunu qed niftħu l-bieb għall-virus biex jidħol. 

Kemm hu importanti mela li nkunu kawti?

Hu ħafna importanti li nkunu kawti f’dan l-istadju sabiex innaqqsu t-trasmissjoni lokali . Ma ninsewx li dan hu virus ġdid li ma rridux inkomplu nżiduh. Inxebbħu ma’ ġamar li jaqbad li mbagħad isir fjakkoli u li jekk ma noqogħdux attenti kapaċi jikber u jsir ħuġġieġa. 

X’inhu l-fatt li dan il-virus ma tantx qabad lit-tfal?

Kollox hu relatat mal-pulmun. Nafu li l-bronki tat-tfal hu irqiq u għalhekk diffiċli jidħol hemmhekk. Naħseb li dan hu l-fattur ewlieni li ma qabadx ħafna fit-tfal. 

Iżda minkejja kollox ma tħossx element ta’ biża’ fuq dak li qed jiġri?

Ifhem dejjem ikollok xi ftit tal-biża’ iżda tajjeb li ngħidu li l-Coronavirus mhux virus li joqtol daqshekk joqtlu mard ieħor bħal Ebola. Aħna qed nieħdu l-prekawzjonijiet kollha meħtieġa, qed ninfurmaw lill-pubbliku b’dak li qed jiġri filwaqt li qed nipprevjenu u għalhekk la tkun qed tagħmel is-sewwa m’għandekx problemi. 

Iżda veru li l-agħar tagħha għadu ġej?

Nafu li dan il-virus jista’ jirreplika u għalhekk hemm ir-riskju li jista’ jżid in-numru ta’ nies infettati. Madankollu naħseb li għandna s-sitwazzjoni taħt kontroll u jekk ma noqogħdux attenti malajr jaħarbilna r-riedni. 

Minkejja l-appelli li għamiltu xorta rajna kwantita’ kbira ta’ nies li f’festa pubblika ħarġu. X’tikkummenta dwar dan kollu?

Jien ngħid li ħafna minnhom ma jirrealizzawx li jkunu qed jagħmlu ħażin ħafna. Forsi ħafna jirraġunaw li mhux se jaqbad lilhom u dan kollu jista’ jġib ħsara kbira li taf tkun waħda kriminali wkoll. 

Lil dawn in-nies ngħidilhom li bl-aġir tagħhom kapaċi jitfgħu lil xi ħadd l-isptar speċjalment jekk jinfettaw lil xi ħadd. Għalhekk kollha kemm aħna għandna responsabbilta’ kbira xi nġorru bħala ċittadini.

X’isir meta jkun hemm is-swabbing?

Fis-swabbing ikun hemm xi ħadd li jkollu biċċa tajjara li jgħaddiha mill-imnieħer u b’hekk naraw ukoll jekk fil-ġerżuma hemmx xi ġenetika speċifika tal-COVID-19. Neżaminawha sew u minn hemm inkunu nafu jekk ikunx pożittiv jew negattiv għal dan il-virus. 

Għaliex COVID-19?

Dan il-virus instab fis-sena 2019 u fih hemm ukoll il-kelma VID li tfisser viride li hi familja ta’ viruses oħra. 

X’differenza hemm bejn kwarantina u iżolament?

Jekk persuna nsibuha infettata bil-liġi ma tistax toħroġ għax jekk ikollha kuntatt ma’ persuni oħra kapaċi tinfettahom. B’hekk dan tal-aħħar ikollu joqgħod fi kwarantina. Hawnhekk nordnaw lil din il-persuna partikolari sabiex toqgħod fi kwarantina ta’ 14-il ġurnata ġewwa. 

Taħseb li ħadtu prekawzjonijiet biżżejjed? Stajtu forsi għalaqtu l-ajruport qabel?

Ħa ngħidlek  kienet tkun xi ħaġa sabiħa li kieku l-Coronavirus ma daħalx f’Malta. Iżda wieħed isaqsi; kemm se ddum tħalli l-ajruport jew il-portijiet magħluqin? Iddum xahar, sitt xhur, sena? Kemm? Aħna mxejna skont kif rajna opportun u kif żviluppaw l-affarijiet. 

Min-naħa tagħna qed nieħdu l-prekawzjonijiet kollha meħtieġa tant li żidna s-SWABS sabiex nidentifikaw aħjar il-każijiet. 

Bħalissa qed ngħixu f’lockdown parzjali. Iżda x’għad jonqos biex ikollna lockdown totali?

Kif għedtlek diġà, jiddependu kif jiżviluppaw l-affarijiet. Dawn mhux deċiżjonijiet tiegħi. Hemm nies esperti li jiddeċiedu dwar dan kollu u jagħmlu dawn l-istess deċiżjonijiet meta jkun il-waqt. 

Kemm taħdem mill-qrib ma’ Profs Charmaine Gauci?

Naħdmu ħafna mill-qrib fejn inċemplu u nitħaddtu fuq l-aħħar żviluppi filwaqt li nagħtu pariri lil xulxin dwar it-triq ‘il quddiem. 

U xi tgħidli dwar il-ministru għas-saħħa Dr Chris Fearne?

Naħdmu mill-qrib u nibagħtu ħafna messaġġi lil xulxin sabiex dejjem inkunu aġġornati bis-sitwazzjoni attwali. Ma rridx ninsa anke lit-tobba, infermiera u ħaddiema oħra li niltaqa’ magħhom u wkoll nitkellmu dwar l-aħħar żviluppi. Din hi katina ta’ nies li kollha kemm huma għandhom bżonn xulxin. 

Jien inqis li kemm int kif ukoll Profs. Charmaine Gauci intom l-eroj tal-mument minħabba dak kollu li qed tagħmlu. X’taħseb?

Jien ma nqisx lili nnifsi bħala eroj. Hemm tim ta’ nies li qed jaħdmu bla heda, li ma jidhrux u li qed ikunu ta’ kontribut sabiex nikkumbattu dan il-virus. 

Ġieli għaddietlek minn moħħok li toħroġ għall-politika?

Le assolutament! Jien għandi għal qalbi l-mediċina u nixtieq inkompli niffoka fuq dan il-qasam.

Int tgħallem ukoll fil-fakulta’ tal-mediċina fl-Universita ta’ Malta. X’inhi r-relazzjoni li għandek mal-istudenti tiegħek u kif tipprova titrasmetti l-għerf tiegħek lilhom?

Jien inqis li meta wieħed jidħol f’dan il-qasam hemm element ta’ vokazzjoni. Jien għandi relazzjoni tajba ħafna mal-istudenti fejn ma nħobbx biss ngħallem it-teorija iżda wkoll nispjegalhom permezz ta’ affarijiet li jistgħu jipprattikaw sabiex jifhmu sew dak li qed ngħid. Hu gost u pjaċir tiegħi li ngħallem spiżjara, dentisti u ħafna professjonisti oħra. 

Jekk persuna li kellu l-Coronavirus tfiq, hemm ċans li jerġa’ jaqbadha?

Iva jista’ jkun hemm dan il-każ. Aħna qed inkomplu ninvestigaw sabiex naraw dan il-fenomenu għax kif għedtlek aktar qabel, dan hu virus kompletament ġdid. Li nista’ ngħidlek hu li l-perjodu ta’ inkubazzjoni ddum 14-il ġurnata u għalhekk hemm perjodu ta’ stennija. Kif wieħed jista’ jara l-proċess hu wieħed twil. 

Kif jintgħażlu n-nies li jagħmlu s-swabbing?

Illum għandna l-fenomenu tat-trasmissjoni lokali u aħna qed nifirxu l-investigazzjonijiet tagħna. Kif nafu sintomi li jistgħu jwasslu għall-Coronavirus jistgħu jvarjaw minn deni, sogħla, għejja u ltqajt ma’ sitwazzjoni fejn kien hemm nuqqas ta’ togħma u xamm. Il-fenomenu ta’ dan il-virus hu ġdid u hemm ħafna riċerka li qed issir. 

Hu veru li l-vaċċin għal Coronavirus għad fadallu sena sabiex ikun magħna?

Bħalissa d-dinja qed f’fażi fejn qed issir ħafna riċerka. Aħna rridu naraw li t-tilqima li tittieħed tkun ippruvata li ma tagħmilx ħsara lill-bniedem. Aħna se nkunu qed naħdmu sabiex kif kollox ikun ippruvat, tiddaħħal ukoll f’Malta. 

Nixtieqek tgħaddi l-aħħar messaġġ lin-nies sabiex jipprevjenu kontra dan il-virus li sfortunatament daħal f’pajjiżna.

Il-virus minnu nnifsu mhux intelliġenti u jekk ma niftħulux il-bieb mhux se jidħol. Iżda meta aħna ma nieħdux il-prekawzjonijiet kollha meħtieġa u ma nobdux mad-direttivi, inkunu qed niftħulu l-bieb sabiex jagħmel li jrid. Mela ejja nkunu prudenti u nibqgħu d-dar sabiex nevitaw it-tixrid tal-Coronavirus. Fiduċjuż li jekk kulħadd jagħmel il-parti tiegħu, noħorġu minn din is-sitwazzjoni. 

Sport