Friday, December 13, 2024

“Grazzi tax-xogħol tagħkom” – Il-Prim Ministru

Aqra wkoll

Il-PM jirringrazzja lill-pulizija u membri ta’ entitajiet oħra li qed jagħtu s-servizz tagħhom fl-isfida tal-Covid-19

Il-Prim Ministru Robert Abela ta tislima xierqa lill-membri tal-forzi tal-ordni waqt żjara spontanja li għamel dalgħodu fil-kumpless tal-RIU f’Ta’ Kandja.

Akkumpanjat mill-Ministru għall-Intern, Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri, Dr Abela sab lill-pulizija u membri ta’ entitajiet oħra jingħataw aġġornament mit-tmexxija tal-Korp tal-Pulizija dwar ix-xogħol involut fl-infurzar tal-avviżi legali ġodda biex tkun issalvagwardjata s-saħħa pubblika.

Il-Prim Ministru rringrazzjahom tas-servizz tagħhom lejn il-pajjiż, b’ħinijiet u dedikazzjoni ma jaqtgħu xejn, waqt dan il-mument diffiċli.

Il-Prim Ministru jirringrazzja lill-membri personalment

L-Aġent Kummissarju Carmelo Magri spjega kif, bl-imxija tal-Covid-19, il-Korp tal-Pulizija qed jaffaċċja waħda mill-ikbar sfidi f’deċenji u enfasizza li l-korp għandu l-pjani meħtiega biex il-pubbliku jkun imħares b’forza li tibqa’ toffri kemm jista’ jkun servizzi filwaqt li taffaċċja din l-isfida ġdida. Il-Kap Eżekuttiv tal-Pulizija Angelo Gafa spjega l-pjan ta’ kontinġenza li għandu l-Korp f’din is-sitwazzjoni. Fisser il-bżonn li l-Korp jikkomunika kemm jista’ jkun mal-komunitajiet kollha biex kulħadd jifhem il-messaġġi tal-awtoritajiet tas-saħħa u tal-forzi tal-Ordni.

“Fl-aħħar mill-aħħar Malta hija ikbar mill-Covid-19”

Il-Prim Ministru Robert Abela

Preżenti kien hemm assistenti kummissarji, pulizija tad-distrett, membri tal-RIU, pulizija mis-sezzjoni tat-traffiku, membri mill-ALE, it-tim tal-Community Policing, kif ukoll il-kavallerija u s-sezzjoni tal-klieb. Għall-briefing kienu preżenti wkoll membri tal-Protezzjoni Ċivili u uffiċjali mid-Dipartiment tas-Saħħa li flimkien mal-Pulizija qed iwettqu l-ispezzjonijiet tal-kwarantina obbligatorja.

Ekonomija

Sport