Saturday, May 4, 2024

Id-Djoċesi t’Għawdex tappella għall-għajnuna biex jinxtara ventilator

Aqra wkoll

L-Amministratur Appostoliku għal Għawdex Mario Grech qal li bħala Djoċesi qed jieħdu l-inizjattiva biex jagħtu l-appoġġ tagħhom lill-Awtoritajiet tas-Saħħa li qed jagħmlu minn kollox biex isalvaw il-ħajjiet.

“Sa minn meta faqqgħet din l-imxija, aħna s-saċerdoti ppruvajna nagħtukom in-nifs billi weżinniekom bit-talb u farraġniekom bil-Kelma ta’ Alla; illum nixtiequ litteralment ngħinu lil min qed jinqatagħlu n-nifs jimla l-pulmuni bin-nifs,” qal Grech.

Għalhekk qed issir sejħa lis-saċerdoti tad-djoċesi tagħhom biex jimpenjaw ruħhom li kull wieħed jagħmel kontribuzzjoni ta’ mhux inqas minn €100 fil-fond biex jinxtara ventilator li huwa stmat li jiswa madwar €50,000.

Grech qal, “Nitlob lill-Kappillani, lir-Retturi, lill-Kunventi u lill-Iskejjel tal-Knisja f’Għawdex, u lill-Għaqdiet Reliġjużi biex mill-kaxxa komuni tagħhom jagħmlu l-istess. Nappella lill-Insara jkunu ġenerużi u jagħtu sehemhom f’din l-inizjattiva. Kulħadd skont il-qies tiegħu: min jiflaħ ftit, jagħti ftit; min jiflaħ ħafna, jagħti ħafna.”

Huwa żied jgħid li din il-kriżi tista’ tfaqqarna materjalment imma mhux se jirnexxilha tfaqqarna mill-imħabba.

L-għotjiet jistgħu jiġu depożitati f’dan il-kont bankarju permezz ta’ online banking jew permezz ta’ Revolut:

Isem tal-kont: COVID 19

Numru tal-kont: 35452320032

IBAN: MT91APSB77013000000035452320032

Swift Code: APSB MTMT

L-għotjiet jistgħu jitħallew ukoll mal-Kappillani tal-Parroċċi jew mar-Retturi tal-Knejjes.

Sport