Matul is-sena 2021, kienet reġistrata żieda ta’ 57% fil-viżitaturi li żaru siti storiċi f’pajjiżna meta mqabbel mas-sena ta’ qabel li kienet iddominata mill-pandemija tal-Covid-19. Dan ifisser żieda ta’ 165,000 viżitatur fuq l-2020.
Minkejja dan, l-ammont ta’ viżitaturi f’siti storiċi s-sena li għaddiet kien wieħed baxx meta mqabbel mal-ammonti reġistrati qabel il-pandemija. Filwaqt li fl-2021 kien hemm man-nofs miljun viżitatur f’dawn is-siti, fis-sena 2019 kien hemm 1,600,000 viżitatur.
“Il-prospetti għal din is-sena fl-għadd ta’ viżitaturi jidhru li huma sbieħ. Biss biss ix-xhur ta’ Mejju u Ġunju jidhru li kienu pożittivi u kollox jindika li dawk in-numri reġistrati qabel il-pandemija se nerġgħu ngawduhom fix-xhur u s-snin li ġejjin.”
Qal dan il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici meta kien qed jitkellem fid-diskussjoni parlamentari b’rabta mal-estimi finanzjarji ta’ Heritage Malta u s-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali.
Il-Ministru Bonnici beda biex qal li l-wirt storiku ta’ pajjiżna għandu jkun aċċessibbli għan-nies kemm jista’ jkun. Qal li kien għalhekk li l-Gvern nieda diversi opportunitajiet biex l-adulti u t-tfal jidħlu b’xejn f’siti storiċi.
Huwa qal li fl-2020 kien hemm 55,000 viżitatur li daħlu b’xejn f’siti storiċi ta’ Heritage Malta. Dan l-ammont tela’ għal 56,000 fis-sena li għaddiet. “Qed nipproġettaw lil-ammont ta’ nies li jidħlu u jgawdu minn dawn il-benefiċċji kulma jmur se jimxi ‘l quddiem,” qal il-Ministru Bonnici.
Dwar il-qagħda finanzjarja ta’ Heritage Malta, huwa nnota li din l-aġenzija żiedet id-dħul tagħha sena wara l-oħra u qed tiġġenera dħul ġdid biex kulma jmur tkun tista’ ssostni aktar lilha nfisha.
Dwar is-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali, il-Ministru Bonnici qal li xogħolha huwa li tirregola l-wirt nazzjonali ta’ pajjiżna u tieħu ħsieb il-patrimonju storiku f’pajjiżna jiġi mħares. Qal ukoll li s-Sovrintendenza għandha rwol li tiddeċiedi u semma bħala eżempju l-guardianship deeds anke ma’ NGOs.