Friday, December 20, 2024

IL-VIŻJONI EKONOMIKA TAL-BUDGET

Aqra wkoll

Il-budget li tħabbar il-ġimgħa li għaddiet huwa prova ċara tal-fatt li spiċċa dak iż-żmien li l-budget – speċjalment l-aħħar wieħed qabel elezzjoni ġenerali –ikun miżgħud b’lista ta’ quick wins u inizjattivi short-term li bihom il-gvern kien jipprova jżomm lill-elettorat kuntent sa jum l-elezzjoni.

Illum il-budget żviluppa fl-għodda ewlenija li l-gvern qiegħed juża biex iżewweġ flimkien miżuri li jindirizzaw l-isfidi tal-ġurnata imma fuq kollox jindirizzaw il-bżonn ta’ direzzjoni u viżjoni ekonomika fit-tul li l-pajjiż għandu bżonn.

Il-budget li tħabbar il-ġimgħa li għaddiet kien eżerċizju li wettaq propju dan.

Lejn Ekonomija li tiprijoritizza l-kwalità tal-ħajja tan-nies

Il-miżuri soċjali tal-budget marru lil hinn miż-żidiet meħtieġa biex jagħmlu tajjeb għall-għoli fil-prezzijiet. 

Wieħed jinnota numru ta’ miżuri li huma intenzjonati biex jgħollu l-kwalità tal-għajxien ta’ dawk l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà tagħna fosthom il-persuni b’diżabilità u l-pensjonanti. Dan qiegħed isir anke għaliex wara kriżi ekonomika huma dawk il-faxex li jkunu l-aktar f’riskju li ma jlaħħqux mal-iżvilupp ekonomiku.

Jikteb Steve Ellul; Konsulent Finanzjarju

Fil-fatt innotajt li l-gvern qiegħed ikompli jwiezen lil eluf ta’ nies – kważi 14,000 ruħ – ħafna minnhom nisa li ma jikwalifikawx għall-pensjoni għax ma kienux ħallsu biżżejjed bolol. Iż-żidiet b’saħħithom fl-in-work benefits wkoll se jgħinu jnaqqsu r-riskju ta’ faqar billi jinċentivaw lin-nies jaħdmu u b’hekk isaħħu l-livell ta’ għajxien tagħhom. 

B’dawn il-miżuri il-gvern qiegħed jara li dawn in-nies ma jibqgħux żvantaġġjati minħabba ċirkostanzi li kellhom f’ħajjithom u b’hekk is-servizzi soċjali qegħdin jieħdu direzzjoni li ma tibqax biss waħda assistenzjalista imma tħares dejjem aktar lejn il-mobilità soċjali. 

Direzzjoni ċara lejn ekonomija ħadra 

Jekk dan il-budget se jkollu timbru partikolari, żgur se jkun dak ambjentali. 

Il-proġett ta’ afforestazzjoni fl-Inwadar se jkun proġett li se jibdel il-mod kif jidher pajjiżna. It-trasport pubbliku b’xejn se jkun xprun għall-bidla fil-mentalità ta’ kif nużaw trasport li jħammeġ anqas. 

Apparti minn dan. però, il-viżjoni lejn ekonomija aktar sostenibbli ta’ dan il-budget tidher ukoll fl-investiment bla preċedent f’inizjattivi intenzjonati li jħaddru l-ekonomija tagħna.

Laqtuni ħafna l-inizjattivi li qegħdin jinċentivaw aktar investiment mis-settur privat f’mudelli kummerċjali li waqt li joħolqu l-ġid iħallu impatt tajjeb fuq l-ambjent. Fosthom hemm miżuri bħal;

  • Għajnuna lill-kumpaniji Maltin biex jinvestu bi kredenzjali ESG u jkunu jistgħu jattiraw lejhom aktar investiment, 
  • Il-kreazzjoni ta’ Carbon Credit Fund għal kumpaniji lokali
  • Estensjoni ta’ self mill-bank tal-iżvilupp b’rati vantaġġjużi għal proġetti sostenibbli
  • Seed fund biex jinvesti f’riċerka għall-eco-startups.
  • Inċentivi bla preċedent biex jgħinu lill-kumpaniji jibdlu l-flotot tagħhom għal vetturi elettriċi
  • Inċentiva tal-Malta Enterprise li se tagħti sa €70,000 f’għajnuna lin-negozji biex jinvestu fil-qasam digitali u fis-sostenbiltà
  • Il-ħolqien ta’ Blue Med Hub biex jinċentiva t-tkabbir tal-ekonomija l-blu
  • €2 miljun biex jiġu mħarrġa l-ħaddiema għal ekonomija aktar ħadra u sostenibbli 

Dawn huma kollha miżuri li se jkunu kruċjali biex pajjiżna jilħaq l-ambizzjoni ta’ ekonomika ħielsa mill-karbonju sal-2050. Dawn huma kollha miżuri intenzjonati mhux biss għal lum imma effetivament għall-ġejjieni. Il-qalba lejn ekonomija ħadra mhux se ssir mil- lum għal għada imma huma dawn it-tip ta’ inizjattivi li se jagħmlu din il-bidla għall-aħjar aktar possibbli. 

Ekonomija

Sport