Thursday, June 18, 2026

‘Il-viżjoni li hemm sabiex Fgura United FC ikompli jikber u jissaħħaħ hija waħda li nemmen li tista’ twassal għal riżultati sbieħ ferm’ – Hubert Zammit

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

L-imħabba tiegħi lejn il-futbol bdiet tista’ tgħid minn tfuliti. Mindu kelli 6/7 snin dejjem kont insegwi l-futbol, specjalment dak Taljan u għadni s’issa kull meta jkolli cans insegwi t-tim favorit tiegħi, A.C. Milan.

Fir-rigward tax-xena lokali, minn dejjem kont insegwi r-riżultati tat-tim ta’ raħal twelidi, Tarxien Rainbows qabel ma dħalt imbagħad fl-amministrazzjoni tal-Klabb u ġieli tlajt il-grawnd ukoll sabiex nagħti s-sapport tiegħi. 

Ħa mmur mal-ewwel għall-punt. Kif qed tħares lejn l-esperjenza ġdida tiegħek bħala tHead of Affairs’ tat-tim tal-kbar u ta’ dak ta’ taħt il-21 sena ta’ Fgura United?

Qiegħed inħares lejn din l-esperjenza bħala waħda impenjattiva u sabiħa fl-istess ħin. Flimkien ma’ sħabi tal-Kumitat u l-Istaff Tekniku, bdejna naħdmu mill-ewwel u bażikament mingħajr waqfien sabiex nippreparaw għall-istaġun li ġej.

Nemmen li għamilna u qegħdin nagħmlu biċċa xogħol tajba kemm fit-tisħiħ tat-timijiet kif ukoll fit-tisħiħ tal-istrutturi fiż-żewġ kategoriji tal-Kbar u tal-Under 21.

Min-naħa ta’ Staff Tekniku, se jkollna “taħlita” tajba bejn dawk li diġá kienu fil-Klabb għal numru ta’ snin, kif ukoll nies ġodda li mill-ewwel integraw tajjeb ħafna fi ħdan il-Klabb. Nirringrazzja lill-Istaff Tekniku kollu tad-dedikazzjoni tagħhom u l-ħidma li qegħdin iwettqu.

Kif qed tħarsu lejn l-istaġun li ġej u x’inhuma t-tragwardi tagħkom?

Għandna tragwardi speċifiċi li fassalna kemm għat-Tim tal-Kbar kif ukoll għal dak tal-Under 21s. Fl-istaġun li għadda, grazzi wkoll għall-ħidma tajba ħafna li twettqet mill-kowċ preċedenti Kevin Vella u l-istaff tekniku tiegħu, it-Tim tal-Kbar kiseb għall-ewwel darba post mal-ewwel 8 fiċ-Challenge League.

Nixtiequ li nkomplu nibnu fuq dak ir-riżultat u nagħmlu qabża oħra li nemmnu li dan il-Klabb verament jixraqlu.

Min-naħa tal-Under 21s, bħalma ħafna jafu, l-istagun li għadda, filwaqt li forsi mil-lat ta’ riżultati kien wieħed diffiċli peress li kien hemm relegazzjoni minn Section A, il-“focus” tagħna se tkun li nżommu mit-tajjeb li sar u nsaħħu fejn naraw li hemm bżonn sabiex ikollna staġun pożittiv u fl-istess ħin niffukaw ukoll fuq żgħażagħ promettenti li jistgħu ikollhom spazju mat-tim tal-kbar.

X’tikkummenta fuq il-kowċ il-ġdid ta’ Fgura United, Ryan Fenech u l-assistent tiegħu, Mark Cristina?

Filwaqt li l-kowċ Mark Cristina mhuwiex ġdid għall-Klabb tal-Fgura, u huwa kowċ dedikat ħafna u asset enormi għall-Klabb, il-Kowċ Ryan Fenech se jkun qiegħed jibda l-ewwel staġun tiegħu mal-Klabb tal-Fgura.

Bla dubju li kowċ bħal Ryan Fenech iġib miegħu l-esperjenza kemm bħala kowċ kif ukoll bħala wieħed mill-aħjar plejers li l-futbol Malti pproduċa f’dawn l-aħħar snin. Huwa kowċ preparat, dedikat u li “jiffittja” sew mal-filosofija tal-Klabb.

Fil-ġimgħat li ilna naħdmu flimkien, nemmen li kemm Coach Ryan u Coach Mark, kif ukoll it-Team Manager Silvan Gauci u l-bqija tal-iStaff Tekniku qegħdin iwettqu ħidma tajba ħafna sabiex inkunu lesti għall-bidu tal-istaġun fi ftit ġimgħat oħra.

Ma nistax ma nsemmix ukoll lill-Kowċ il-ġdid tal-Under 21s, Luke Camilleri, li wkoll qiegħed iwettaq ħidma bla waqfien flimkien mal-Assistant Coach Matthew Agius u t-Team Manager Keith Darmanin, sabiex it-team tal-Under 21s ukoll ikun ippreparat għall-istaġun li ġej.

Kemm qed tfittex li taħdem spalla ma’ spalla mal-President, Larkin Bonnici?

L-ewwel ħaġa li laqtini u ħajritni li ningħaqad mal-Klabb tal-Fgura kienet il-viżjoni u d-determinazzjoni kemm tal-President Larkin Bonnici kif ukoll it-tim formidabbli li hemm fi ħdan il-kumitat u l-amministrazzjoni tal-Klabb.

Il-viżjoni li hemm sabiex il-klabb, li diġá għamel qabżiet kbar fis-snin li għaddew, ikompli jikber u jissaħħaħ hija waħda li nemmen li tista’ twassal għal riżultati sbieħ ferm, mhux biss fil-“pitch”, iżda fl-istrutturi kollha tal-Klabb. In-“Nursery” tal-Klabb mingħajr tlaqliq nista’ ngħid li hija waħda mill-aqwa li hawn f’Malta, u dan huwa wkoll grazzi għall-ħidma u l-viżjoni tal-Kumitat flimkien mal-Head Coach u l-kowċis dedikati li jiffurmaw parti minna.

Mingħajr in-nies tant dedikati, li ma jiqfux jaħdmu għall-ġid tal-Klabb b’mod volontarju, kulħadd iffukat fuq il-ħidma tiegħu, il-klabb żgur li ma jkunx jista’ jiffunzjona. Taħt it-tmexxija tal-President, il-Klabb bena struttura u organizzazzjoni tajba ferm li nemmen li tħabbatha mal-aqwa klabbs f’Malta.

Mal-President tista’ tgħid li nitkellem kuljum għaliex huwa persuna “hands-on” u  ma jiqafx jaħdem sabiex jara li l-klabb ikompli miexi ‘l quddiem.

Kif tqis il-livell tal-futbol Malti fil-preżent?

Il-livell tal-futbol Malti nemmen li tjieb u qed ikompli jieħu xejra aktar professjonali iktar kemm jgħaddi ż-żmien. L-istrutturi fi ħdan il-klabbs kif ukoll il-livell ta’ kowċis u l-istaff ta’ madwarhom qiegħed bla dubju jitjieb. Illum klabb irid jilħaq ċerti kriterji sabiex jingħata l-liċenzja u dik awtomatikament tgħin sabiex il-klabbs itejbu l-livell tagħhom.

Mill-banda l-oħra nemmen li l-istakeholders kollha fi ħdan l-ekosistema tal-futbol għandhom jaħdmu iktar flimkien sabiex jinstabu iżjed modi kif tingħata għajnuna lill-klabbs biex iżommu jew itejbu l-livell tagħhom. It-titjib fil-livell iġib miegħu iżjed piż finanzjarju, u dan bla dubju huwa suġġett li jrid jiġi indirizzat b’aktar serjetá fiż-żmien li ġej jekk irridu nkomplu ntejbu l-livell tal-futbol Malti. 

U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?

Hawnhekk ukoll nemmen li filwaqt li l-livell qiegħed jitjieb u qiegħed isir sforz kollettiv kemm min-naħa tal-MFA kif ukoll min-naħa tal-klabbs sabiex il-faċilitajiet tat-taħriġ u l-logħob kompetittiv ikunu ta’ livell adekwat, hemm bżonn li jkun hemm aktar għajnuna min-naħa tal-awtoritajiet lejn il-klabbs sabiex il-livell ikompli jitjieb.

Sfortunatament, għadek issib differenza mhix żgħira bejn grawnds ta’ livell tajjeb ħafna u grawnds oħra li jintużaw biss minħabba nuqqas ta’ riżorsi. 

Kif qed tħares lejn il-futur aktar imbiegħed tiegħek fl-amministazzjoni tal-futbol

Filwaqt li l-futur wieħed diffiċli jbassru, inħares ‘il quddiem sabiex nagħti l-kontribut tiegħi fi ħdan il-Klabb tal-Fgura, kif ukoll li nkompli nitgħallem mingħand in-nies li naħdem magħhom, kemm dawk ta’ esperjenza twila kif ukoll nies ġodda li lkoll għandhom kontribut x’joffru.    

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.

Kelma li nħobb nuża ħafna meta nitkellem ma’ kull min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol hija “committment”. Jekk wieħed ikun lest jagħmel is-sagrificcju u jkun “committed”, żgur li jista’ jasal sabiex jilħaq it-tragwardi tiegħu. Il-futbol, bħal kwalunkwe sport jew oqsma oħra fil-ħajja, jirrikjedi ħafna ħin, illum iktar u iktar meta l-livell qiegħed jitjieb.

Kemm jekk plejer, membru tal-istaff, kowċ, membru tal-Kumitat jew Amministrazzjoni, il-karriera fil-futbol hija karriera li tagħtik ħafna sodisfazzjon iżda li trid tkun lest li taħdem sew għaliha u tagħmel is-sagrifiċċji meħtieġa! 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport