Saturday, October 26, 2024

IL-VIŻJONI TIEGĦI GĦALL-KOSTA TA’ WIED IL-GĦAJN

Alicia Bugeja Said
Alicia Bugeja Said
Kandidata Laburista

Aqra wkoll

Kulħadd jitpaxxa bil-karattru kostali uniku ta’ pajjiżna – Wied il-Għajn żgur mhux l-inqas. Mill-bajja ta’ San Tumas u l-Munxar; mill-bajja ċentrali u l-bajda u s-sewda, kif jafha kulħadd, u naturalment, il-Magħluq, Wied il-Għajn għandu riżorsi marittimi prezzjużi u uniċi. 

Dawn iż-żoni mhux biss postijiet li jgħaxxqu l-għajn u jserrħu l-moħħ: għal ħafna, fosthom sajjieda, dawn ifissru l-għajxien tagħhom. Għad-dilettanti tal-festa, l-bajja ta’ Wied il-Għajn u l-post fejn il-komunità tingħaqad, u minn fejn isir in-nar – wieħed mill-aħħar irħula li għadu jtajjar in-nar mill-baħar. Fuq kollox, kull persuna, resident jew turist, jista’ japprezza l-ġmiel naturali u l-karattru tipikament Malti tal-bajja ta’ Wied il-Għajn. 

Bħala esperta fil-qasam marittimu, iżda wkoll bħala persuna li nsib il-mistrieħ fin-natura u l-baħar, dejjem ħdimt u nkompli nagħmel ħilti biex ir-riżorsi naturali tagħna inħarsuhom. 

B’mod ċar, diġà tkellimt dwar il-bżonn li nkunu kawti qabel ma nipproponu proġetti f’żoni delikati: jekk hemm bżonn, aħjar pass nieqes milli żejjed. Dan diġà għidtu numru ta’ drabi mar-residenti, mal-organizzazzjonijiet, u mal-istakeholders kollha. Fil-fehma tiegħi, diġà għandna mudelli ta’ suċċess li ħadmu, u li nistgħu nħaddmu f’Wied il-Għajn ukoll. Jiġini f’moħħi Marsaxlokk, li llum għandu bilanċ tajjeb bejn il-bżonnijiet tar-residenti, tas-sajjieda, tal-għawwiema, u tal-kummerċ fil-lokal. Dik hi r-riġenerazzjoni li nemmen fiha jien: ħidma li tisma’ – u tistma – lil kulħadd, u a skapitu ta’ ħadd. 

Naf mill-qrib, għax kellmuni bosta residenti, kemm ir-riġenerazzjoni ta’ Wied il-Għajn hi mixtieqa. Naqbel ma’ dawn ir-residenti – ir-raħal ħaqqu li jingħata iktar riżorsi u iktar ħsieb. Jekk l-istess residenti jogħġobhom jagħtuni l-fiduċja tagħhom biex inkun leħinhom fil-Parlament, se nagħmel ħilti kollha biex Wied il-Għajn jingħata pjan ħolistiku li jirrikonoxxi x’hemm bżonn isir, bl-iktar mod sensittiv u li jirrispetta r-resident – u l-ambjent. 

Wied il-Għajn diġà sabiħ kif inhu: aħseb u ara jekk jingħata l-attenzjoni li jixraqlu. Kull min kiber u trabba’ fih jixtieq li jibqa’ hemm, u jrabbi familtu wkoll hemmhekk, iżda qed jinħass li ċertu nuqqasijiet, inkluż fl-ippjanar u fit-tkabbir eċċessiv, qed joħonqu s-sbuħija tar-raħal. Konvinta li bi djalogu u ħsieb, nistgħu nżommu l-komunità b’saħħitha ta’ Wied il-Għajn, u iktar minn hekk, inkomplu nsaħħu l-lokal bħala wieħed mill-attrazzjonijiet ċentrali fin-nofsinhar ta’ Malta. 

Ejja allura nieħdu passi kawti, imma passi importanti: ejja nirranġaw l-irmiġġi f’Wied il-Għajn, biex nakkomodaw id-dgħajjes b’mod modern u organizzat. Ejja nissalvagardjaw iż-żoni tal-għawwiema, billi naraw li dawn iż-żoni jibqgħu siguri u nodfa. Ejja naraw li l-iżvilupp ma jkeċċix indirettament il-komunità li kibret f’Wied il-Għajn, u li llum ħolqu kultura sabiħa u lokali. Bħalma f’xogħli dejjem kont ta’ spalla għall-komunitajiet lokali, hekk se nkun bħala rappreżentanta ta’ Wied il-Għajn.

Sport