Monday, December 30, 2024

Il-VLTC jiċċelebra l-50 anniversarju tiegħu

Aqra wkoll

Din is-sena l-Vittoriosa Lawn Tennis Club qiegħed jiċċelebra l-50 Anniversarju mit-twaqqif tiegħu. Biex titfakkar din l-okkażjoni mportanti, qed jiġu organizzati diversi attivitajiet matul is-sena kollha.

Madankollu, il-qofol tal-attivitajiet sar dan l-aħħar bi programm ta’ serata kommemorattiva li sar fil-bini tagħha f’Kordin, Raħal Ġdid, taħt il-patroċinju tal-Eċċellenza Tagħha Miriam Spiteri Debono, President ta’ Malta.

Kelliema varji, li ġew introdotti mill-VLTC l-Onor. Il-Membru Alfred Cappello, kienu mistiedna jagħtu l-messaġġ tagħhom għall-okkażjoni. L-ewwel kelliem kien is-Sur Godfrey Demarco, wieħed mill-membri fundaturi u eks Chairman tal-klabb. Huwa ta ħarsa ġenerali lejn l-ewwel jiem tal-klabb u enfasizza d-diffikultajiet bikrija li ffaċċja l-klabb li la kellu bini u lanqas courts fejn jitħarreġ u jilgħab. Kelliema oħra kienu s-Sur Mark Cutajar, CEO ta’ SportMalta, Dr Marc Gingell Littlejohn, President tal-Federazzjoni Maltija tat-Tennis, u s-Sur John Boxall, Sindku tal-Birgu.

Iċ-Chairman tal-Klabb, Dr Inġ. Paul Micallef imbagħad ta rendikont dettaljat tal-kisbiet matul dawn l-aħħar snin u l-impenji li jirriflettu fuq il-motto tal-klabb ‘Non Nobis Sed Omnibus’ , ‘Mhux għalina imma għal kulħadd’. Huwa rringrazzja lil dawk kollha li b’diversi modi, taw sehemhom fl-iżvilupp tal-Vittoriosa Lawn Tennis Club u l-membri tiegħu.

Id-diskors ewlieni fl-aħħar ingħata mill-Eċċellenza Tagħha Miriam Spiteri Debono, President ta’ Malta. Fost suġġetti msemmija, ħeġġet lill-Kumitat Eżekuttiv biex ikompli bil-missjoni tiegħu ta’ edukazzjoni sportiva l-aktar lejn iż-żgħar. Imbagħad hija kixfet Plakka Kommemorattiva fil-preżenza taċ-Chairman tal-VLTC Dr Inġ. Paul Micallef.

Biex jitfakkar dan il-50 Anniversarju mit-twaqqif tal-Klabb, ġie stampat Ktieb Kommemorattiv ta’ 330 paġna li jkopri l-50 sena tal-VLTC. Dan ġie mniedi fl-aħħar ta’ din l-attivita’ bl-ewwel kopja tiġi ppreżentata miċ-Chairman tal-Klabb lill-Eċċellenza Tagħha Miriam Spiteri Debono.

Tqassmu wkoll xi mementos lill-Eċċellenza Tagħha, lill-Presidenti Onorarji, s-Sinjuri Godfrey Demarco u Vincent Galea. Wara, iċ-Chairman tal-VLTC ippreżenta tifkira ta’ ringrazzjament lil ħames membri anzjani li taw u għadhom jagħtu kontribut fit-tmexxija tal-Klabb. Dawn huma is-Sinjuri Alfred Cappello, John Cassar, Anthony Pule’, Reno Bezzina u Lino Scicluna. Wara sar riċeviment tal-okkażjoni.

Ekonomija

Sport