Tuesday, May 14, 2024

IL-WIRT KULTURALI TAGĦNA JAGĦMILNA UNIĊI

Aqra wkoll

Il-wirt kulturali ta’ pajjiżna rridu nieħdu ħsiebu u nindukrawh. Dan għaliex jirrifletti dak kollu li l-gżejjer Maltin huma mogħnija bih u li ksibna matul is-snin fl-istess ħin jagħmilna uniċi u distinti minn popli oħra. Għalhekk il-wirt tanġibbli li għandna, bħal mużewijiet, knejjes, tempji u patrimonju ieħor importanti, irridu naraw li jibqa’ jingħata l-attenzjoni li tixraqlu u fejn ikun hemm bżonn isir ir-restawr meħtieġ.

Ma nistgħux ma napprezzawx il-ħidma li qiegħda issir min-naħa tad-Direttorat tar-Restawr fi ħdan il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, li qed ikompli bl-impenn tiegħu li jimplimenta u jwettaq ir-restawr, il-konservazzjoni u r-rijabilitazzjoni tal-wirt arkitettoniku f’Malta. Dan filwaqt li jiżgura li dan il-wirt uniku jinżamm u jiġi mgħoddi lill-ġenerazzjonijiet futuri.

Ħidma fuq proġetti ta’ restawr li kompliet miexja b’pass kostanti anke fi żmien ta’ diffikultajiet minħabba l-effetti tal-pandemija tal-Covid-19. Issa li l-pandemija tinsab warajna, ix-xogħlijiet fuq dawn il-proġetti qed jissoktaw b’ritmu tajjeb ħafna. 

Tant hu hekk, li s-sena li għaddiet, id-Direttorat tar-Restawr wettaq 22 proġett ta’ restawr b’investiment ta’ kważi €4 miljun, u fl-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena, diġà ġew konklużi tmien proġetti oħra. Bħalissa għaddej xogħol fuq xejn inqas minn 42 proġett ieħor b’investiment li jlaħħaq it-€3.5 miljun. 

Nemmnu li dawn il-proġetti huma xhieda ta’ kemm iż-żamma u t-tħaris tal-wirt kulturali ta’ pajjiżna huwa ta’ prijorità għal dan il-Gvern. Għalhekk importanti ħafna li kulħadd jagħmel il-parti tiegħu u nibżgħu għal dak li għandna, sabiex dak li qed ingawdu llum, ikunu jistgħu jgawduh ukoll il-ġenerazzjonijiet ta’ warajna. 

Wara kollox, dan il-qasam minnu nfih joħloq ukoll għadd ta’ benefiċċji fosthom li jtejjeb il-prodott turistiku u l-kwalità tal-ħajja tar-residenti fil-komunitajiet tagħna. Għaliex huma inizjattivi bħal dawn li jkomplu jesponu b’mod aħjar u aktar qawwi dak kollu li huwa tagħna l-Maltin bħala poplu. Huwa dan li jagħmilna poplu differenti u distint minn ġnus oħra tad-dinja.

Sport