Saturday, December 21, 2024

Il-Youth FA tniedi inizjattiva ġdida bl-isem ta’ ‘Live It With Love Legacy’

Aqra wkoll

Il-Youth Football Association bi pjaċir tħabbar it-tnedija ta’ inizjattiva ġdida bl-isem ta’ ‘Live It With Love Legacy’ fl-okkażjoni ta’ għeluq snin Fr Hilary Tagliaferro li għadu kemm għalaq 90 sena.

L-għan ta’ ‘Live It With Love Legacy’ huwa li tipprovdi appoġġ finanzjarju lil dawk il-familji li ġenwinament qed jiltaqgħu ma’ diffikultajiet finanzjarji biex ilaħħqu ma’ spejjeż biex uliedhom jilagħbu l-futbol f’livell ta’ nursery, liema diffikultajiet jistgħu jkunu ta’ ostaklu biex tfal iwettqu l-ħolm tagħhom li jilagħbu l-futbol.

Ispirata mill-kontribut enormi lill-futbol u d-dedikazzjoni ta’ Fr Hilary lejn l-iżvilupp ta’ talent żagħżugħ, dan il-programm ta’ għajnuna se joħloq legat fit-settur tal-futbol taż-żgħażagħ f’Malta – inizjattiva li tirrifletti l-valuri ta’ servizz, integrità u imħabba lejn il-logħba tal-futbol li huma sinonimi ma’ Fr Hilary.

F’Mejju tal-2016, Fr Hilary, li waqqaf il-Youth FA 42 sena ilu, kien onorat bl-għoti tal-UEFA Order of Merit Ruby Award, unur prestiġjuż b’rikonoxximent għall-kontribut straordinarju lejn il-progress tal-futbol taż-żgħażagħ f’Malta. Fid-diskors tiegħu, Fr Hilary tkellem dwar il-passjoni kbira lejn il-futbol u l-fidi reliġjuża meta qal:

“Jien verament nemmen li Alla jinsab fil-futbol ukoll. Jien min jien f’Ġesu Kristu. Il-futbol huwa passjoni kbira … għixha b’imħabb

Dan il-kliem huwa fil-qalba tal-missjoni tal-Youth FA li qed testendi l-legat ta’ Fr Hilary permezz ta’ din l-inizjattiva.

“Dan il-programm se jgħin biex it-tfal kollha, lil hinn miċ-ċirkostanzi finanzjarji, ikollhom l-opportunità jipparteċipaw fil-futbol, ikattru l-imħabba tagħhom lejn il-logħba u jiżviluppaw il-valuri ta’ teamwork, dixxiplina u fair play li Fr Hilary dejjem saħaq dwarhom,” qal Norman Darmanin Demajo, il-President tal-Youth FA.

L-inizjattiva ‘Live It With Love Legacy’ tnediet, it-Tnejn (28 ta’ Ottubru), mill-President tal-Youth FA waqt attività ad unur Fr Hilary organizzata fl-Oratorju Agustinjan, f’Ħal-Tarxien.

Il-Youth FA tixtieq tirringrazzja lil The Farsons Foundation li diġà kkonfermaw l-appoġġ tagħhom għal din l-inizjattiva kif ukoll entitajiet oħra li esprimew interess. Hija x-xewqa u t-tama tal-Youth FA li dawn il-kontribuzzjonijiet se jwittu t-triq għal sforz kollettiv li jinvolvi aktar entitajiet kummerċjali f’pajjiżna li flimkien se jkunu qed jiżguraw li l-futbol jibqa’ aċċessibbli għal tfal u żgħażagħ.

Il-Youth FA tistieden lill-komunità u anke kumpaniji biex jagħtu s-sehem tagħhom f’dan il-programm li jirrifletti l-impenn kostanti ta’ Fr Hilary lejn l-iżvilupp tat-talent żagħżugħ u s-servizz lejn il-komunità permezz tal-futbol.

“Billi nibqgħu ngħożżu l-valuri u l-kliem ta’ Fr Hilary – ‘Live it with Love’ – nistgħu niżguraw li s-settur tal-futbol taż-żgħażagħ f’Malta jibqa’ vibranti u inklussiv għall-ġenerazzjonijiet tal-futur,” qal Darmanin Demajo.

Għal iktar informazzjoni dwar din l-inizjattiva ta’ responsabbiltà soċjali wieħed jista’ jibgħat email fuq [email protected].

Ekonomija

Sport