Tuesday, July 21, 2026
Home Internazzjonali Iljun li ħarab minn ċirku f’belt qrib Ruma jqajjem paniku 

Iljun li ħarab minn ċirku f’belt qrib Ruma jqajjem paniku 

… jinqabad fi ftit sigħat

0
248

Residenti ta’ belt Taljana qrib Ruma ġew mitluba għal xi ħin sabiex jibqgħu ġewwa djarhom wara li ħarab iljun minn ċirku lokali. 

Alessandro Grando, is-Sindku ta’ Ladispoli, ħareġ din it-twissija fuq il-midja soċjali, u qal li l-pulizija kienu qegħdin jgħinu lill-ħaddiema taċ-ċirku fit-tfittxijiet għal dan l-annimal. 

F’kitba fuq Facebook ħames sigħat wara li ħareġ din it-twissija, huwa qal li l-iljun kien inqabad u jinsab f’idejn l-istaff taċ-ċirku. Is-Sindku kompla billi rringrazzja lis-servizzi ta’ emerġenza u lill-voluntiera kollha li għenu f’din it-tfittxija. 

“Nittama li dan l-episodju jista’ jqanqal xi kuxjenzi u li fl-aħħar inkunu nistgħu nwaqqfu l-isfruttament tal-annimali fiċ-ċirku,” żied jgħid is-Sindku. Barra minn hekk, huwa stqarr li ma kienx awtorizza l-preżenza ta’ ċirku bl-iljuni fil-belt, iżda qal li ma kellux is-setgħa li jipprevjeni milli dan ma jsirx.