Ix-xahar ta’ Marzu jġib miegħu avvenimenti importanti għal pajjiżna. Iġib il-festa nazzjonali u ċ-ċelebrazzjoni tal-jum li fih pajjiżna kiseb verament il-ħelsien sħiħ minn kull traċċi tal-ħakma barranija. Iġib miegħu wkoll jiem internazzjonali ċċelebrati uffiċjalment bħalma hu Jum il-Mara fit-8 tax-xahar u il-Jum Dinji li fih titfakkar il-kundizzjoni tad-Down’s Syndrome, fil-21 ta’ Marzu.
Għalhekk, illum huwa l-jum ddedikat għall-persuni b’din il-kundizzjoni. Jum li bħal kull sena għandu jfakkarna u jġeddidna fl-obbligu li bħala soċjetà għandna nieħdu kull opportunità li nkomplu nqajmu iżjed għarfien fost il-pubbliku dwar din il-kundizzjoni tad-Down’s.
Illum, is-soċjetà hija ddominata mit-teknoloġija li l-avvanzi tagħha ma jaqtgħu xejn tant li metaforikament, id-dinja qed dejjem issir iżgħar. Għalhekk mhuwiex diffiċli li jkun hemm qsim ta’ esperjenzi u nformazzjoni bejn il-pajjiżi biex il-ħajja ta’ min hu mirkub minn din il-kundizzjoni tkun dejjem aħjar.
Tajjeb li nfakkru li f’pajjiżna mhux minn dejjem kien hawn lok għad-diversità u l-inklużjoni. Persuni bid-Down’s Syndrome jew kundizzjonijiet oħra, kif ukoll persuni b’diżabbiltà, għal żmien twil ġew imwarrba, u saħansitra anki moħbijin min-nies sforz l-injoranza li saltnet fis-soċjetà Maltija.
Għad hawn stejjer ta’ kif għal sekli sħaħ persuni b’diżabilità jew b’kundizzjoni medika ġew magħluqa fi djar u ma tħallew qatt joħorġu biex ma jarawhomx in-nies għas-sempliċi raġuni li kienu “differenti” minn ħaddieħor. Fortunatament, dan żmien ta’ mistħija għadda u mhux se jerġa’ jiġi lura.
Illum il-ġurnata, grazzi għal ħafna miżuri soċjali li ddaħħlu matul iż-żmien u li saru parti integrali mill-ħajja ta’ kuljum tan-nies, l-għajxien ta’ persuni b’diżabilità jew b’xi kundizzjonijiet tjieb tant li bosta huma dawk li llum jinsabu attivi fis-soċjeta ta’ fejn jgħixu. Dan huwa wkoll dovut għal proċess ta’ integrazzjoni tagħhom fil-livell komunitarju.
F’dan il-kuntest ukoll, il-progress li sar fuq medda tas-snin iqawwilna qalbna għal ġejjieni biex pajjiżna jissokta bl-inklużjoni u l-integrazzjoni minflok “empatija” għaliex il-persuni bil-kundizzjoni Down’s jew b’xi kundizzjoni oħra huma kapaċi jwettqu affarijiet bħal u daqs kulħadd jekk jingħataw iċ-ċans u l-ħin u l-għodod biex jagħmlu dan.