Illum, il-Kap tal-Oppożizzjoni Dr Alex Borg se jkun qiegħed jagħmel ir-replika tal-Budget li tressaq minn Gvern Laburista bħal-lum ġimgħa.
Dan hu mument importanti ieħor fil-mixja biex l-istess Budget jiġi approvat mill-Parlament. Iżda rridu naraw x’se jkun qiegħed jgħid Alex Borg f’din ir-replika. Irridu nfakkru li għal darb’oħra għal xi raġuni li jafuha tal-Partit Nazzjonalista biss, ma ħarġux id-dokument ta’ qabel il-budget kif kien isir sa erba’ snin ilu.
Għalhekk hu ferm diffiċli li wieħed jemmen li minkejja li f’Mejju li għadda saret elezzjoni ġenerali u l-Partit Nazzjonalista qal li kellu ruxmata ta’ proposti, ma ppreżentax dokument komprensiv ta’ qabel il-Budget.
Bħalma diġà għedna, il-PN, għalkemm m’għandux l-obbligu legali, għandu l-obbligu li jipproponi miżuri u jressaq dan id-dokument biex in-nies almenu jkunu jafu x’inhi l-politika ekonomika u fiskali li jrid imexxi ’l quddiem.
Irridu naraw ukoll kif il-Kap tal-Oppożizzjoni se jkun qiegħed jitkellem dwar il-miżura tas-Super Bonus li tħabbret fil-Budget. Dan għaliex smajna diversi esponenti fi ħdan il-PN li aktar qabel kienu kkritikaw din il-miżura u wrew xettiċiżmu dwar jekk Gvern Laburista kienx se jwettaq din il-wegħda elettorali. Bir-risposta ngħatat prorpju t-Tnejn li għadda mill-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana nnifsu, meta ħabbar li fl-ewwel kwart tas-sena d-dieħla se jkun qed jingħata s-Super Bonus lil dawk kollha eleġibbli.
Irridu naraw ukoll x’se jgħid dwar l-ekonomija, dwar il-finanzi tal-pajjiż u hekk hux se jikkritika wkoll il-fatt li mill-ġdid għal sena oħra Gvern Laburista se jkun qiegħed jgħin lill-poplu Malti fil-piżijiet tal-enerġija. Irridu nfakkru li għas-sena d-dieħla dan il-Gvern qiegħed jgħid li se jkun qiegħed jissussidja l-enerġija b’400 miljun ewro. Wieħed irid jara wkoll x’se tkun il-kritika tal-Oppożizzjoni dwar il-miżuri li jolqtu lill-ħaddiema minn pajjiżi terzi, kif ukoll lit-turisti.
Nistennew u naraw. Bl-istess mod, għada t-Tlieta nkunu qed nistennew il-kontro-replika tal-Prim Ministru Robert Abela, li fiha huwa mistenni jippreżenta r-reazzjoni tal-Gvern għall-punti mqajma mill-Kap tal-Oppożizzjoni.




