Saturday, December 21, 2024

Illum jibdew jitqassmu ċ-ċekkijiet tar-rifużjoni tat-taxxa

Maria Azzopardi
Maria Azzopardi
Ġurnalista

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li mil-lum se nibdew nirċievu ċ-ċekk tar-rifużjoni tat-taxxa għar-raba’ sena konsekuttiva. Minn dawn iċ-ċekkijiet se jgawdu 250,000 persuna u f’din l-iskema l-gvern se jkun qiegħed jinvesti €17-il miljun.

Il-Prim Ministru ħabbar dan il-Ħamis filgħaxija waqt li attenda għall-ewwel laqgħa ta’ konsultazzjoni ta’ qabel il-baġit.

Abela qal li għaddeja minn xhur li kienu diffiċli imma meta jara l-entużjażmu fin-nies, tikber ġo fih ir-rieda li jaħdem aktar għall-pajjiż. Qal li jemmen li dan huwa sentiment komuni fit-tim tiegħu u qatt ma qatgħu qalbhom għax jafu li kellhom in-nies warajhom.

Qal li issa dħalna għal fażi importanti fejn ikun qed jitfassal id-dokument tal-baġit. Dan huwa l-pjan ta’ ħidma tal-Gvern għas-sena li ġejja, pjan ta’ kif se jtejjeb il-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minnha.

Qal li biex dak id-dokument finali verament jirrifletti l-aspirazzjoni tan-nies huwa tassew importanti li jisimgħu mingħandhom biex il-prodott finali jkun jirrifletti x-xewqat tan-nies.

Il-Prim Ministru qal li t-tema f’din il-laqgħa hija l-qasam soċjali. Qal li għall-PL, li jħaddan il-valuri tal-ġustizzja soċjali, il-valur tal-ugwaljanza u l-valur li jemmen li ż-żgħir għandu jwieżen, il-qasam soċjali huwa s-sinsla ta’ dak li jemmen fih dan il-moviment.

Semma li l-filosofija tagħhom f’dan is-settur hija li l-ewwel raw li jimxu mal-prinċipju li dawk l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà jiġu mgħejuna u ma jħallu lil ħadd waħdu. Kien hemm ukoll it-tieni filosofija, dik li jinċentivaw lin-nies biex jidħlu fid-dinja tax-xogħol. Qal li dan sar b’diversi inċentivi fosthom iċ-child care b’xejn. 

Semma kif issa li għaddejna minn xhur ta’ pandemija, illum qed naraw il-frott tal-politika ekonomika li bħala Gvern addotta. Semma l-kriżi ekonomika tal-2008 fejn dak iż-żmien dik l-amministrazzjoni marret għal politika tal-awsterità. Dan jikkuntrasta bi kbir għal dik it-tip ta’ politika li adotta l-Gvern Laburista. Dan għaliex l-għażla ta’ dan il-gvern kienet waħda naturali – dik li n-nies ma tħallihom qatt weħidhom imma tappoġġjahom bis-saħħa.

Abela qal li l-konsegwenza ta’ dan huwa li llum inħolqu 9,000 impjieg ġdid u llum għandna l-inqas rata ta’ qgħad fil-pajjiż.

Qal li għalhekk li dawn l-aħħar xhur b’mod kontinwu tkellmu dwar l-ekonomija u s-saħħa u l-importanza li jinħoloq bilanċ bejn it-tnejn.

Tkellem ukoll dwar il-fatt li S&P ikkonfermat rating li huwa l-aqwa wieħed li kellu pajjiżna f’dan l-aħħar 10 snin. Qal li dan ifisser li meta investituri barranin jiġu biex jagħżlu fliema pajjiż se jmorru, se jħarsu lejn dan id-dokument. Qal li tibda tara li pajjiżna, bil-politika li adotta dan il-gvern, għamel xi ħaġa li kienet fuq in-naħa t-tajba u dawn ir-riżultati jkompli jimlihom b’kuraġġ għax-xhur li ġejjin.

Il-Prim Ministru qal li f’dawn l-aħħar snin jafu li dawk li huma kritiċi tal-pajjiż, kemm b’mod konsistenti ittimbraw lil pajjiżna bħala wieħed li ma jirrispettax is-saltna tad-dritt u qalu li l-istituzzjonijiet f’pajjiżna ma jaħdmux. Qal li nafu li din hija narattiva li barra minn xtutna kien hemm min b’mod konsistenti kien qiegħed iwassal dan il-messaġġ.

Qal li r-risposta ta’ dawn il-kritiċi qalitha l-President tal-Kummissjoni Ewropea Von der Leyen fejn faħħret lil pajjiżna tar-riformi kbar li saru fis-saltna tad-dritt. Fiż-żjara tagħha f’pajjiżna, apparti mill-fatt li ħabbret li l-Kummissjoni Ewropea approva l-pjan ta’ rkupru ta’ Malta, hija qalet li l-pjan li għamel pajjiżna kien fost l-aqwa li ġie ppreżentat lill-Kummissjoni Ewropea u fejn jidħol il-qasam ambjentali kien fuq quddiem nett.

Abela qal li matul iż-żmien tal-pandemija l-poplu, minkejja kull diffikultà, baqa’ solidali u wera kemm verament huwa poplu li jaħdem. Żied jgħid li bl-istess mod wieġeb il-gvern – billi wera fiduċja fin-nies u dik il-fiduċja ġiet reċiprokata f’xogħol.

Ekonomija

Sport