Friday, July 19, 2024

Illum jingħata bidu għall-Euro 2024

Aqra wkoll

Illum jingħata bidu għas-17-il edizzjoni tal-Kampjonat Ewropew b’din id-darba se ssir fil-Ġermanja. 

B’kollox se jieħdu sehem 24 team li huma mqassma f’sitt gruppi ta’ erba’ timijiet. B’kollox se jintużaw għaxar stadiums mifruxa madwar il-pajjiż fil-belt kapitali Berlin, Cologne, Dortmund, Dusseldorf, Frankfurt, Gelsenkirchen, Hamburg, Leipzig, Munich u Stuttgart.

Il-poplu Ġermaniż ilu għal diversi snin jipprepara għal dan it-tournament prestiġjuż hekk kif bħala pajjiż dixxiplinat u attent għal kull dettall, huma jridu li din l-edizzjoni tkun waħda ta’ suċċess.

Il-Ġermanja se jkunu qed jospitaw dan il-Kampjonat Ewropew għall-ewwel darba mill-1988.

Il-mascot uffiċjali huwa Albart li se jakkumpanja il-51 partita ta’ dan it-tournament filwaqt li d-diska Fire ta’ One Republic, ġiet magħżula bħala l-kanzunetta uffiċjali ta’ dan l-avveniment.

Bħas-soltu, l-pajjiż ospitu jiftaħ din l-edizzjoni u proprju se jkunu l-Ġermaniżi li fl-Allianz Arena jaffrontaw lill-Iskozja.

Wara bidu mhux daqstant pożittiv, il-coach, Julian Nagelsmann, jidher li beda jdaħħal il-filosofija tiegħu fi ħdan il-players u kellu ċ-ċans ukoll li f’dawn l-aħħar xhur jara lill-players tiegħu f’logħbiet ta’ ħbiberija. 

Huwa konxju mill-fatt li player importanti bħal Toni Kroos se jirtira wara dan it-tournament filwaqt li l-player żagħżugħ, Robert Andrich, qed jitrawwem biex ikun il-werriet tiegħu fil-futur qrib. 

L-istess Nagelsmann ikkonferma li l-goalkeeper veteran, Manuel Neuer, se jkun l-għażla ewlenija filwaqt li players bħal Kai Havertz, Niclas Fullkrug, Joshua Kimmich, Florian Wirtz u Jamal Musiala, se jippruvaw ikunu protagonisti f’dan it-tournament tant prestiġjuż.

L-Iskozja se jkunu l-ewwel avversarji tagħhom li flimkien mal-Ungerija u l-Isvizzera qed jiffurmaw Grupp A. It-team għamel progress notevoli f’dawn l-aħħar snin bil-coach, Steve Clarke, kellu biċċa xogħol diffiċli biex iħalli players barra mill- iskwadra ta’ 26 player. 

Il-midfielder, Scott McTominay, kien l- aqwa skorer tagħhom fil-logħob tar-round ta’ kwalifikazzjoni meta skorja seba’ goals.

Mill-bqija, Clarke għandu lid-difensur ta’ esperjenza, Andrew Robertson, li hu l-captain tat-team b’71 dehra għal pajjiżu, b’John McGinn u Callum McGregor isegwu. Dawn mistennija joffru dik l-esperjenza neċessarja f’tournaments importanti bħal dawn.

Clarke se jkollu jgħaddi mingħajr Nathan Patterson u Aaron Hickey minħabba li qed jirkupraw minn injury,  b’Lyndon Dykes se jkollu jara din l-edizzjoni finali minn fost l-ispettaturi minħabba li weġġa’ fl-aħħar ħin iżda se jagħti s-sapport neċessarju lil sħabu.

Din se tkun it-18-il laqgħa fl-istorja bejn iż-żewġ nazzjonijiet. Il-Ġermaniżi rebħu tmienja filwaqt li erba’ partiti ntrebħu mill-Iskozja, bil-ħamsa l-oħra jintemmu fi draw. 

Ta’ min isemmi wkoll li din se tkun ir-raba’ dehra għall-Iskoċċiżi fil-Kampjonat Ewropej, bit-tlieta preċedenti jkunu fl-1992, fl-1996 u fl-2020. 

Il-logħba se tintlagħab fl-Allianz Arena ta’ Munich, ground li jesa’ 70,000 spetta­tur u minkejja li l-Ġermaniżi jibdew bħala favoriti, bla dubju, l-Iskoċċiżi se jqumu għall-okkażjoni. 

Ekonomija

Sport