Monday, January 24, 2022

Illum jingħata bidu għat-tieni round tal-Kampjonat Premier

Aqra wkoll

Bejn illum u għada jintlagħab il-programm tat-12-il ġurnata tal-BOV Kampjonat Premier li jfisser ukoll il-bidu tat-tieni round tal-Ewwel Fażi.

Peró mhux se jintlagħab kollu minħabba lil l-partita bejn Sliema Wanderers u Balzan ġiet posposta minħabba każ tal-Covid-19.

Intant, l-aqwa partita hija dik bejn Valletta u Hamrun Spartans filwaqt li l-leaders Hibernians għandhom test diffiċli kontra Gzira United.

Valletta v Hamrun S. – Bla dubju, din hija l-partita li tispikka fi tmiem il-ġimgħa bejn  żewġ rivali antiki. Valletta jittamaw li jirrepetu s-suċċess tagħhom tal-ew­wel round meta kienu għelbu lil Hamrun Spartans 2-1.

Iżda l-Ispartans jidhru li reġgħu sabu l-forma tal-istaġun li għadda hekk kif qed jiddominaw lill-avversarji b’ċertu awtoritá meta rebħu erba’ logħbiet mill-aħħar ħames ħarġiet tagħhom.

Min-naħa l-oħra, l-Ispartans ma jistgħu jwaqqgħu l-punti minħabba li jinsabu distakkati seba’ punti mil-leaders Hibernians.

Huma jinsabu konxji mill-qawwa ta’ Valletta u għaldaqstant jinżlu determinati u żgur li mhux se jċedu pulzier … f’partita li ġġib il-memorji tas-snin 80.

Valletta se jkunu mingħajr is-sospiż Ivan Curjuric filwaqt li Jorge Ailton jibqa’ barra mill-azzjoni għal Hamrun hekk kif qed jirkupra minn injury.

Hibernians v Gzira U. – Hibernians jaffrontaw lil Gzira United li jinsabu fis-seba’ post fejn ifittxu li jsaħħu l-vantaġġ tagħhom fil-quċċata tal-klassifika u jittamaw ukoll li l-partita bejn Valletta u Hamrun Spartans tintemm fi draw.

Il-Pawlisti ġejjin minn draw ta’ mingħajr goals kontra Floriana u fil-veritá kienu fortunati li ħadu punt minn dan il-konfront hekk kif l-avversarji tagħhom ġew imċaħħda minn dak li deher goal leġittimu lejn tmiem il-partita.

Jidher li l-Maroons sabu l-forma tagħhom meta ġejjin minn żewġ rebħiet konsekuttivi kontra Gudja United (3-2) u Sirens (3-1).

Huma jfittxu li jpattu għad-diżappunt tat-telfa ta’ 3-1 tal-ewwel round fit-tentattiv li jibqgħu jżommu kuntatt mat-timijiet ta’ fuq.

Il-Maroons jafu li din hija partita mill-aktar diffiċli iżda hija wkoll mument li fih jistgħu jisfruttaw is-sitwazzjoni u jagħtu l-ewwel telfa tal-istaġun lil Hiber­nians.

Dawn tal-aħħar se jkollhom jgħaddu mingħajr is- sospiż Wilfried Domo­raud filwaqt li Gzira għandhom il-players kollha għad-dispożizzjoni.

Sta Lucia v Floriana – Dan huwa konfront mill-aktar interessanti għax filwaqt li Sta Lucia jimmiraw li jitbiegħdu miż-żona l-ħamra, Floriana jimmiraw li jżommu posthom mal-ewwel sitta fit-tentattiv li jikkwa­lifikaw għaċ-Championship Pool.

Il-Greens ġejjin minn wirja brillanti għalkemm kellhom jikkuntentaw bi draw ta’ 0-0 meta inġustament tħassrilhom goal ta’ Kristian Keqi għal offside ineżistenti … biex b’dawk iż-żewġ punti mitlufa niżlu fil-ħames post. 

Min-naħa l-oħra, Santa Lucia salvaw ir-riżultat kontra Balzan fi draw ta’ 3-3.

Huma marru fil-vantaġġ b’goal ta’ Vito Plut iżda Balzan dawru l-iskor favur tagħhom, peró Francisco Farias u Alan da Silva Souza, ikkanċellaw il-vantaġġ tagħhom biex kisbu punt mill-aktar importanti.

Sta Lucia jilqgħu lura lil Andre Prates Rodrigues u Jurgen Pisani minn sospensjoni filwaqt li Floriana m’għandhomx problemi ta’ players neqsin.

Fl-ewwel round iż-żewġ timijiet temmew draw 2-2.

Sirens v Gudja U. – Gudja United se jkunu qed jimmiraw li jibnu fuq ir-rebħa ta’ 3-0 fuq Mosta meta jiffaċċjaw lil Sirens f’taqtiegħa biex jevitaw ir-relegazzjoni.

Iż-żewġ timijiet jinsabu fit-tmien u d-disa’ posti­jiet, jiġifieri, fin-naħa t’isfel tal-klassifika.

Fl-aħħar partita tagħhom, Gudja mpressjonaw u meri­tatament ħadu t-tliet punti f’rebħa komda. Bħalissa l-moral tagħhom huwa għoli hekk kif qed ifittxu li jpattu għar-rebħa ta’ Sirens bl-iskor ta’ 1-0.

Min-naħa tagħhom, Sirens li fil-bidu tal-istaġun kellhom riżultati mħallta, peró huma team li ma tantx iżommu l-konsistenza hekk kif tilfu erba’ logħbiet mill-aħħar sitt ħarġiet tagħhom għalkemm irreaġixxew taj­jeb kontra Birkirkara (3-2) u Floriana (2-1). Iżda wara telfa ta’ 3-1 kontra Gzira Uni­ted, huma niżlu fin-naħa t’isfel tal-klassifika.

L-uniku player nieqes għal din il-logħba huwa Louis Beland ta’ Gudja wara li tkeċċa kontra Mosta.

Birkirkara v Mosta – Birkirkara jilagħbu kontra Mosta fejn xejn għajr minn rebħa ma tissodisfa l-kriterji tagħhom wara li fl-aħħar ħames partiti ħadu biss ħames punti.

L-Istripes iridu jsibu l-formula ġusta li bdew l-istaġun biha meta kisbu tliet rebħiet infila kontra l-istess Mosta (3-0), Hamrun Spartans (2-1) u Balzan (2-1).

Min-naħa l-oħra, Mosta jinsabu fil-periklu li jistgħu jitilfu posthom meta mill-aħħar sitt partiti huma kisbu biss sitt punti minn massimu ta’ 18, li ħallewhom jissieltu kontra r-relegaz­zjoni.

Il-pressjoni tinsab fuq­hom hekk kif jinsabu fil-post ta’ qabel l-aħħar għalkemm rebħa tista’ sservi ossiġenu ta’ nifs ġdid biex ikomplu jibnu fuqha.

Mosta se jkunu msaħħa bir-ritorn ta’ Sunday Akinbule u Tyrone Farrugia minn sospensjoni.

Sport